Sirjani li kienu ġejjin Malta u kellhom ritratti tal-ISIS arrestati f’Bergamo

Żewġ Sirjani ta' 19 u 30 sena, li kienu se jirkbu titjira lejn Malta ġew arrestati fl-ajruport ta’ Orio al Serio f’Bergamo wara li fil-mowbajls tagħhom kien hemm ritratti tal-ISIS u l-gwerra.
Skont rapporti li dehru fl-aġenzija tal-aħbarijiet ANSA, is-Sirjani twaqqfu wara li l-uffiċjali tas-sigurtà kellhom suspetti fuq id-dokumenti u l-passaporti li kellhom.
Il-Pulizija kkonfermaw li l-irġiel, li kienu qed iġorru passaport Awstrijak u ieħor Norveġiż ma kienux Ewropej imma Sirjani u kienu qed jitkellmu biss bl-Għarbi.
Wara tfittxija intensiva li saret instab li fil-mowbajls kellhom ritratt ta’ propoganda tal-ISIS.
Skont il-midja Taljana fir-ritratti li kellhom fil-mowbajls kien hemm irġiel bil-bnadar tal-ISIS waqt il-ġlied fis-Sirja, ritratti ta’ bumbardamenti u ritratt ta’ tifel b’senter f’idejh.
Is-Sirjani ġew arrestati mill-Pulizija filwaqt li l-passaporti, id-dokumenti u l-mowbajls ġew issekwestrati biex jiġi vverfikat jekk għandhomx konnessjoni diretta mal-Kalifat jew ma’ għaqdiet terroristiċi oħra internazzjonali.