Sirjani jaħarbu minn Malta u jingħataw sentenza ta’ ħabs sospiża

Koppja Sirjana ngħatat sentenza ta’ sitt xhur priġunerija sospiżi għal sena, talli f’Jannar li għadda telqu minn Malta b’mod illegali.
Din il-koppja kienet salvata mit-traġedja fil-baħar Mediterran f’Ottubru li għadda, li fiha tilfu ħajjithom diversi immigranti irregolari. Fost il-vittmi kien hemm it-tliet uliedhom.
Kemm il-mara kif ukoll ir-raġel wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Il-mara qalet li riedet tħalli Malta għax tfakkarha f’uliedha.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużati ntbagħtu lura Malta min-Norveġja disat ijiem ilu.