Sirja: Miljun tifel u tifla jaħarbu minn pajjiżhom

Wara tlett snin ta’ ġlied fis-Sirja, in-numru ta’ tfal li qed ikunu mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom bħala refuġjati mistenni jilħaq il-miljun f’dawn il-ġranet.

“Dawn huma tfal li jiġu mċaħħda minn djarhom, mill-familji tagħhom u li jaffaċċjaw affarijiet tal-biża’ ”. Hekk iddeskriva lil dawn it-tfal, Anthony Lake, id-Direttur Eżekuttiv tal-UNICEF.

Anthony Lake kompla billi qal, illi l-komunità internazzjonali għandha taqsam din ir-responsabilità għax filwaqt li qed isir xogħol biex tittaffa t-tbatija ta’ dawk affettwati minn din il-kriżi, il-komunità internazzjonali falliet ma dawn it-tfal.

Ir-refuġjati tfal jammontaw għal nofs ir-refuġjati li qed jaħarbu minn pajjiżhom waqt il-kriżi fis-Sirja. L-aħħar ċifri juru li 740,000 tifel u tifla minn dawn ir-refuġjati, għandhom anqas minn 11-il sena. 

Skont l-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, madwar 7,000 tifel u tifla inqatlu waqt dan il-kunflit.    

Fl-aħħar jiem, il-Ġnus Maqgħuda qed tinvestiga l-aħħar massakru fis-Sirja, wara l-akkużi li qed jagħmlu r-ribelli Sirjani, li qed jallegaw li r-reġim ta’ Assad uża kimika fatali biex toqtol lin-nies ċivili.