Sirja : L-Istati Uniti ta’ l-Amerika qed tikkunsidra twettaq azzjoni limitata

Il-President Amerikan Barack Obama qal l-Istati Uniti ta’ l-Amerika qed tikkunsidra twettaq azzjoni limitata bi tweġiba dwar l-allegat użu ta' armi kimiċi mill-armata Sirjana.

Obama saħaq li l-ebda deċiżjoni finali ma ttieĦdet, imma eskluda li jkun hemm suldati AmerikanI fuq l-art.  

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry meta rrefera għal sorsi tas-servizz sigriet tal-pajjiż,  akkuża lis-Sirja li wżat armi kimiċi fejn inqatlu 1429 persuna, inklużi 426 tfal.

Is-Sirja qalet li l-allegazzjoni ta’  l-Istati Uniti kienet kolllha gideb, u waħlet fir-ribelli għall-attakk.      Il-President Sirjan Bashar al-Assad qal li pajjiżu se jiddefendi lilu nnifsu kontra kull aggressjoni tal-Punent.    Minn naha l-oħra l-President Franċiż Francois Hollande tenna l-appoġġ tiegħu għall-pożizzjoni ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

Ir-Russja, minn naha tagħha, alleat ewlieni tas-Sirja, wissiet li kwalunkwe azzjoni militari unilaterali fejn jiġi evitat il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda jkun ksur dirett tal-liġi internazzjonali.

Meta kien qed jitkellem ilbieraħ.  Il-President Obama qal li l-allegat attakk li sar fis-subborgi ta’ Damasku għaxart ijiem ilu kien ifisser sfida għad-dinja li thedded l-interessi tas-sigurtà nazzjonali Amerikana.   Qal ma jaċċettawx dinja fejn in-nisa u t-tfal u persuni ċivili innoċenti jiġu ggassjati fuq skala terribbli.