Sinodu: L-Isqof Grech jappella għal titjib urġenti fil-mod ta’ kif tikkomunika l-Knisja

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech, f’intervent fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja ftit tal-ħin ilu, insista li l-Knisja trid ittejjeb b’mod urġenti l-mod tagħha ta’ kif twassal il-Kelma t’Alla biex tindirizza l-karba tal-Insara llum.
Saħaq li fil-qalba tal-Vanġelu tal-Familja hemm is-salvazzjoni ta’ kull bniedem, inkluż ta’ dawk li jinsabu f’sitwazzjoni pastorali diffiċli; u li hu d-dmir tar-Rgħajja Spiritwali li jwasslu l-Vanġelu tal-fidwa lil kulħadd.
Fil-preżenza tal-Papa u tal-Isqfijiet, il-President tal-Konferenza Episkopali Maltija qal li f’Malta u f’Għawdex hemm għatx qawwi għall-Vanġelu, inkluż meta fil-ħajja dak li jkun isibha diffiċli jgħix b’mod sħiħ it-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ u l-familja.
Madankollu, hemm karba biex ir-Rgħajja jaqraw is-sinjali taż-żmenijiet.
L-Isqof Grech ibbaża l-intervent tiegħu fuq tliet punti:
L-ewwel, il-ħtieġa li l-mexxejja spiritwali jkunu jafu tajjeb lill-familji fil-komunitajiet tagħhom –inkluż lil min qed jgħix fit-tieni relazzjoni u lil min għandu wlied b’orjentament omosesswali– biex iwasslu l-Vanġelu b’mod konkret.
Enfasizza fuq il-ħtieġa ta’ lingwaġġ tal-Knisja li l-bniedem tal-lum jista’ jifhem, u li jesponi lill-Knisja bħala omm ħanina u fl-istess ħin tabib.
It-tieni punt hu l-kreattività meħtieġa biex il-Knisja tagħti tweġibiet ġodda u metodi pastorali għal sitwazzjonijiet pastorali diffiċli. Dan irid isir f’kontinwità mat-tradizzjoni.
It-tielet punt hu l-ħtieġa li l-Knisja takkumpanja lill-persuni kollha. Dan, saħaq l-Isqof Grech, ma jridx jieqaf biss mal-verifika ta’ sitwazzjoni “irregolari” u “irriversibbli” imma jrid ikollu ċar quddiem għajnejh b’liema mod dawn l-Insara jistgħu jikbru iżjed biex jaslu għal komunjoni sħiħa.
L-Isqof t’Għawdex iddeskriva dan iż-żmien għall-Knisja Kattolika bħala wieħed li matulu l-familji tal-lum qed joffrulha l-passaġġ meħtieġ biex minn xi ħaġa tajba, toħroġ xi ħaġa aħjar, bħall-bidla tal-għenba biex issir inbid jew taż-żebbuġa biex tinbidel f’żejt.
Fl-aħħarnett, l-Isqof Grech appella għal tolleranza għall-oħrajn filwaqt li wissa kontra li wieħed ifittex “Knisja tal-puri u l-perfetti”.  

Aqra d-diskors sħiħ tal-Isqof Mario Grech hawnhekk