​Sinjuruni Russi fir-Renju Unit jintalbu jagħtu rendikont ta’ ġidhom

Skont il-Ministru għas-Sigurtà tar-Renju Unit Ben Wallace, negozjanti sinjuri Russi fil-pajjiż, suspettati b’korruzzjoni, se jiġu sfurzati biex jagħtu rendikont tal-ħajja lussuża tagħhom.
Skont il-BBC, bħala parti minn ħidma kontra l-kriminalità, uffiċjali Ingliżi issa se jkunu jistgħu jieħdu fil-pussess tagħhom assi suspettużi b’valur ta’ aktar minn €50,000.  Il-Ministru qal li kriminali sinjuri barranin se jkunu qed iħossu l-forza sħiħa tal-Gvern fil-konfront tagħhom. Jidher li għexieren ta’ suspettati diġà ġew identifikati.
Skont il-midja internazzjonali, huwa stmat li madwar €100 biljun fi flus illegali jiġu maħsulin fir-Renju Unit kull sena.
Il-Ministru għas-Sigurtà Wallace tkellem mal-BBC dwar in-natura internazzjonali tal-kriminalità organizzata u tkellem ukoll dwar il-livell għoli ta’ impunità li dawn il-kriminali huma mdorrija bihom.