Sinjur waqqafha b’idejk – dan hu li tlabt – Il-Papa

REUTERS/Remo Casilli

Read in English.

Matul dan iż-żmien diffiċli, nistgħu noffru ġesti żgħar u konkreti li jesprimu sentiment ta’ intimità mal-familjari tagħna – tgħanniqa lin-nanniet, bewsa lil uliedna, għall-persuni li nħobbu. Dawn huma ġesti importanti, deċiżivi. Jekk ngħixu dawn il-ġranet b’dan il-mod, ma nkunux qed naħluhom.”


Il-Papa Franġisku stqarr dan ftit ġranet ilu, meta żar żewġ knejjes f’Ruma – Santa Maria Maggiore u San Marcello al Corso – biex jitlob. Meta tkellem mal-ġurnalisti, il-Papa qal li talab lil Alla biex iwaqqaf din l-epidemija, “Tlabt lil Alla biex iwaqqaf din l-epidemija: Sinjur waqqafha b’idejk. Dan huwa dak li tlabt.”


Kompla jgħid kemm huwa importanti li nerġgħu niskopru l-ferħ ta’ ġesti żgħar f’ħajjitna matul dawn il-ġranet ta’ biża’ u iżolament, “il-konkretezza ta’ azzjonijiet żgħar, ġesti żgħar ta’ attenzjoni li nistgħu noffru lil dawk ta’ madwarna, lill-familja, lill-ħbieb tagħna. Irridu nifhmu li f’dawn l-affarijiet żgħar hemm it-teżor tagħna.”

Il-Papa kompla jgħid li waqt li ġesti ta’ tenerezza, imħabba u kompassjoni jistgħu jidhru insinifikanti, huma importanti ħafna għax dawn jagħtu sens lil ħajjitna u joħolqu konnessjonijiet bejn il-bnedmin.


Il-Papa Franġisku qal li fi żmien meta ħajjitna hija dominata mill-midja soċjali u nidhru li tlifna kull kuntatt personali, huwa importanti li naqsmu l-mumenti żgħar tal-ħajja ta’ kuljum flimkien, bħal pereżempju nieklu l-ikla ta’ filgħaxija mal-familja, nisimgħu t-tħassib u l-esperjenzi ta’ xulxin. Hu radd ħajr lil dawk kollha li qed jaħdmu bis-sħiħ biex isalvaw il-ħajjiet ta’ tant persuni, u talab li dawk li tilfu lil persuni għeżież għalihom jingħataw kompassjoni u konsolazzjoni.


Il-Papa temm il-messaġġ tiegħu billi qal li waqt li mhux kulħadd iħossu qrib Alla, kulħadd jista’ jsib kuraġġ u qawwa fl-affarijiet ta’ kuljum, “fl-imħabba għal uliedhom, għall-familja, għal ħuthom. Kulħadd jista’ jgħid: ‘Jien ma nitlobx għax ma nemminx.’ Imma fl-istess ħin, tista’ temmen fl-imħabba tal-persuni ta’ madwarek, u b’hekk tikseb it-tama”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn