Sinjali tat-traffiku sessisti; tbiddilhom tifla ta’ 7 snin

Tifla ta’ seba’ snin ikkonvinċiet l-aġenzija tat-trasport f’pajjiżha biex ibiddlu s-sinjali tat-triq, li skont hi ma kinux ġusti.

Zoe Carew li tgħix fi New Zealand, waqt li kienet fil-karozza ma’ missierha rat xi sinjali tat-triq bil-kelma “LINEMEN”, waqt li ħaddiema kienu qed jaħdmu fuq xi linji tad-dawl.

Hija ħasbet u stqarret ħsibijietha mal-aġenzija permezz ta’ ittra elettronika u qaltilhom li mhux irġiel biss jaħdmu fuq linji tad-dawl u għalhekk għandhom ibiddlu s-sinjal tat-triq għal “LINE-WORKERS” biex tkun aktar korretta.

Il-Kap eżekuttiv laqa’ t-talba tat-tifla u faħħarha tal-inizjattiva tagħha fuq il-paġna tal-aġenzija fuq Twitter.