Sinjali ta’ tama għall-Ewropa

Isqfijiet Ewropej miġbura f'Santiago de Compostela

Tnejn u tletin President ta’ Konferenzi Episkopali Ewropej fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet iltaqgħu f’Santiago de Compostela fi Spanja għall-Assemblea Plenarja tagħhom li ddiskutiet it-tema: “L-Ewropa, wasal iż-żmien li tqum? Is-sinjali tat-Tama”.

Fi tmiem din il-laqgħa ħarġu stqarrija li fiha qalu li “matul il-jiem tal-konferenza ħadna gost naraw ħafna żgħażagħ u oħrajn anqas żgħażagħ mexjin lejn Santiago u jaslu fil-‘Bieb tal-Glorja’.

“Konxji tal-limitazzjonijiet u d-djufija tagħhna li kkaġunaw ħafna tbatija lill-Knisja kollha, aħna wkoll dħalna fil-Kattidral biex inpoġġu n-nuqqasijiet u t-talb tagħna fuq spallejn l-Appostlu u nitolbu maħfra għan-nuqqasijiet tagħna u nimpenjaw ruħna b’tama u fiduċja fil-futur.

“Inġbarna biex nirriflettu jekk wasalx iż-żmien li l-Ewropa tqum u naraw is-sinjali ta’ tama, sirna aktar konxji tas-sitwazzjoni li l-pajjiżi tagħna qed jgħixu fiha u l-kontradizzjonijiet differenti Ii jeżiztu fil-pajjiżi tagħna:

Kontradizzjonijiet

  • Ix-xewqa għal Alla u fl-istess ħin il-fraġilità tal-ħajja nisranija;
  • Ix-xewqa għal ħajja bażata fuq l-Evanġelju u fl-istess id-djufija ekklesjastika u umana;
  • Ix-xewqa għall-qduisja iżda bla ma nagħtu xhieda b’ħajjitna;
  • Ix-xewqa għal drittijiet umani universali iżda fl-istess waqt in-nuqqas ta’ rispetto għad-dinjità umana;
  • Ix-xewqa  għall-armonija fis-soċjetà u mal-ħolqien, imma wkoll tlifna kull sens ta’ verità oġġettiva;
  • Ix-xewqa għall-ferħ dejjiemi iżda wkoll is-sens tad-destin tal-umanità;
  • Ix-xewqa għall-paċi interna u konsistenza fit-tfittxija spiritwali imma wkoll iċ-ċaħda ta’ dik it-tfittxija fil-ħafna diskorsi pubbliċi.

“Aħna iffukajna fuq il-kwestjonijiet eżistenzjali li hemm fil-fond tal-qalb tal-bniedem li ma jgħibu qatt, anke jekk kultant huma mtappna minn xewqat materjali. Kull persuna għandha xewqa sigrieta li tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jqajmilha l-kuxjenza u jkebbes fiha l-mistoqsijiet deċisivi dwar l-eżistenza, il-futur wara l-mewt, il-ħażen li jferina u l-ħażen li jeqred il-ħajja u l-univers.

“Għalhekk, bħal għassiesa viġilanti u lesti li nuru l-jum ġdid, irridu nagħtu messaġġ ta’ tama lill-Ewropa li hi f’diffikulta u bil-qawwa kollha ngħidu: Qum Ewropa! Fl-istejjer u t-tradizzjonijiet differenti, fl-isfidi qodma u ġodda, hemm elementi ta’ tama: fosthom il-Qaddisin u l-Martri tal-pajjiżi tagħna, torċi li jinkoraġixxu l-preżent u jħabbru l-futur. Dawn jibbru bħal kwiekeb fis-sema.

Magħquda fid-diversità

“Skopri mill-ġdid l-għeruq tiegħek, Ewropa! Aħseb dwar id-diversi eżempji ta’ din it-tama li tawna l-Qaddisin tagħna. Dawn huma sinjali ta’ Ewropa magħquda fid-diversità.

“Ewropa, ifraħ bit-tajjeb tal-popli tiegħek, bil-ħafna qaddisin moħbija li ta’ kuljum jikkontribwixxi fis-skiet għall-bini ta’ soċjetà aktar umana u ċivili. Ħares lejn il-ħafna familji li huma biss kapaċi jiġġeneraw il-futur tagħna.

“Għaraf u kun grata għall-fidi tagħhom f’Alla u l-eżempju li jagħtu. Ħallihom ifasslu dan il-kontinent maħbub tagħna u kif ifakkarna l-Papa Franġisku ħallihom jaħdmu biex ikollna “umaniżmu Ewropew ġdid li jkun kapaċi jiddjaloga, jintegra u fl-istess ħin jagħti valur lil dak li hu għażiż għat-tradizzjonijiet tal-kontinent: id-difiża u d-dinjità tal-ħajja umana, il-promozzjoni tal-familja u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. B’dan l-impenn, l-Ewropa tkun kapaċi tikber bħala familja ta’ popli u art ta’ paċi u tama.

“Aħna nemmnu li t-tweġiba veru għall-mistoqsijiet kollha hu Ġesù Kristu, ix-xbiha tal-Missier. Aħna nipproklamaw il-fidi tagħna fih, is-Slavatur tal-umanità u tad-dinja. Fih biss insibu t-tweġiba għall-mistoqsijiet tagħna għax hu biss hu r-rivelazzjoni tal-misteru ta’ Alla u r-risposta tal-umanità għal dan il-misteru ta’ mħabba u ħniena.

“Hu jagħmel lil dawk li jilqugħ, lesti biex jisimgħu, iħobbu u jkunu qrib xulxin u qrib Tiegħu, billi f’isem Kristu jpoġġu lilhom infushom għas-servizz tal-bniedem, l-aktar ta’ dawk l-aktar fil-bżonn u joffrulhom ir-rigal ta’ Kristu u l-għajnuna meħtieġa b’dik il-karità li twassalna biex nagħrfu lilna nfusna bħala ulied ta’ Missier wieħed”, ittemm l-istqarrija tal-Isqfijiet Ewropej.