Sinjali ta’ ħajja taħt it-tifrik ta’ binja mġarrfa f’Bejrut

Ħaddiema tas-salvataġġ fil-Libanu lbieraħ innutaw sinjali ta’ ħajja taħt it-tifrik ta’ bini f’żona residenzjali ta’ Bejrut li kkollassa waqt l-isplużjoni enormi f’port fil-qrib li seħħet bħal-lum xahar.

L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat, NNA, irrappurtat li lbieraħ filgħaxija membri tat-tim b’kelb tas-salvataġġ indunaw b’xi moviment taħt binja mfarrka fiż-żona ta’ Gemmayze, waħda mill-aktar żoni milquta mill-isplużjoni li ħaset il-ħajja ta’ 190 persuna u weġġgħet aktar minn 6,000.

Eddy Bitar, ħaddiem tas-salvataġġ qal li huma setgħu jisimgħu sinjali ta’ teħid ta’ nifs u polz iħabbat, u grazzi għas-sensers tat-temperatura, setgħu jindunaw li aktarx hemm possibbiltà ta’ ħajja.

Madankollu, wara sigħat twal iħaffru fit-tifrik, l-operazzjoni kellha titwaqqaf għaliex il-binja kienet meqjusa bħala wisq riskjuża. Dalgħodu, se jiġieb makkinarju aktar b’saħħtu biex ikun jista’ jneħħi l-ġebel il-kbir.

“Dan huwa periklu kbir għal dawk kollha involuti”, spjega Michel el-Mur mal-ġurnalisti preżenti. “Hemm mal-10 min-nies hemm fuq u ma nistgħux nieħdu riskju fuq ħajjithom.”