Sinjali f’Tas-Sliema u l-Bidnija f’għeluq snin Daphne

Reżistenza

Fl-okkażjoni ta’ għeluq snin il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Reżistenza waħħlu għadd ta’ sinjali sabiex jikkommemorawha. Is-sinjali jgħidu li “lil Daphne qatluha għax qalet il-verita”.

Fi stqarrija, Reżistenza spjegaw li l-assassinju brutali ta’ Daphne Caruana Galizia seħħ wara perjodu twil fejn hi ġiet demoralizzata. Spjegaw li minkejja li bosta kienu dawk li daru kontriha, xorta kompliet bil-ġlieda tagħha kontra l-korruzzjoni u l-abbuż ta’ poter bla biża’.

Temmew l-istqarrija bil-mistqosija “min qiegħed jibbenifika mill-eliminazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia?”

54 sinjal ieħor ifakkru l-kwalitajiet ta’ Caruana Galizia

Grupp ta’ attivisti oħra weħlu 54 kartellun lelà madwar Tas-Sliema li jfakkru l-memorja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Il-ġurnalista kibret fl-inħawi fejn twaħħlu l-kartelluni. Fost il-kwalitajiet u l-karatteristiċi li jfakkru hemm li kellha sens ta’ umoriżmu kbir, li kienet maħbuba, li kienet tosserva mill-qrib, li kienet persuna onesta. Kartellun minnhom jgħid ukoll li karozza bomba kien l-unika mod kif isiktuha u li aktarx politiċi korrotti beżgħu minn dak li setgħet kienet taf.