Sinfonija ta’ uċuħ u lingwi fil-Panama

Il-Papa fl-udjenza ta' nhar l-Erbgħa fil-Vatikan

Fl-udjenza ġenerali tal-bieraħ fil-Vatikan, il-Papa Franġisku tkellem dwar il-vjaġġ li għadu kif għamel fil-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fejn fost l-aktar affarijiet li laqtuh kien l-għadd kbir ta’ tfal li l-ġenituri għollew fid-direzzjoni tiegħu waqt li kien għaddej mit-toroq fil-popemobile.

Il-Papa qal li “l-għożża tal-familja huma t-tfal u dawn huma s-sigurtà tal-futur”. Qal li n-nies refgħu lit-tfal b’ferħ u dinjità u dan ifisser ħafna u hu messaġġ għal dik li l-Papa sejjaħ “ix-xitwa demografika li hawn fl-Ewropa! Xitwa demografika tfisser  nuqqas ta’ tfal  u din hi sitwazzjoni diffiċli”.

Il-vjaġġ fil-Panama, żied jgħid Papa Franġisku kien karaterizzat mill-preżenza ferriħija taż-żgħażagħ. Qal li din kienet ċelebrazzjoni għal dawn iż-żgħażagħ, għall-Panama u għall-Amerika Ċentrali kollha kemm hi li għaddejja minn ħafna mumenti drammatiċi u għandha bżonn it-tama, il-paċi u l-ġustizzja.

Rapport tal-Vatican News jgħid li l-Papa żied jgħid lill-udjenza li kien hemm quddiemu li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ kien bħal sinfonija kbira ta’ uċuħ u lingwi. “Tara dawk il-bnadar kollha differenti jixxejru flimkien, it-tixjir ta’ żgħażagħ ferħana jiltaqgħu ma’ xulxin kien sinjal profetiku li jmur kontra l-kurrent u jikkuntrasta mat-tendenza negattiva ta’ nazzjonaliżmi kunflittwali li jibnu l-ħitan u jissakkru mill-universalità u l-laqgħa tal-popli”.

Papa Franġisku qal li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ kellu aspett Marjan qawwi li ħareġ ħafna waqt il-Via Sagra. Qal li hu jieħu gost ħafna jagħmel il-Via Sagra għax din tfisser liwieħed jimxi wara Marija. Hawnhekk hu ħareġ mill-but ktejjeb żgħir bil-Via Sagra  u qal li dan dejjem iġorru miegħu biex malli jsib iċ-ċans, jgħid din it-talba sabiħa.

 

Hu nkoraġixxa lil kulħadd biex jagħmel il-Via Sagra għax “dan ifisser li timxi wara Ġesù u Marija fit-triq tas-Salib fejn Hu ta’ ħajtu għalina, biex jifdina. Fil-Via Sagra nitgħallmu l-imħabba siekta u konkreta”.

Ir-rapport jgħid li l-Papa rrifletta wkoll dwar l-importanza taż-żgħażagħ fis-soċjetà. Qal li l-għotja tagħhom m’hix biss għal għada, imma “iż-żgħażagħ huma ‘illum’ ta’ ‘għada’.  Dawn m’humiex ‘sadattant’ imma huma l-‘illum’, l-‘issa’ tal-Knisja u tad-dinja.

 

Il-Papa temm jappella lill-adulti biex jedukaw u  jiffurmaw liż-żgħażagħ b’mod tajjeb biex dawn ikunu jistgħu jsibu xogħol u post fis-soċjetà.