Is-Sindku tal-Marsa f’udjenza mal-Papa Franġisku

Read in English.

Il-Papa Franġisku laqa’ delegazzjoni ta’ awtoritajiet lokali u għaqdiet tas-soċjetà ċivili li qed jipparteċipaw fil-proġett “Snapshots from the Borders” u li huwa ffinazjat mill-Unjoni Ewropea.

Id-delegazzjoni kienet immexxija mis-Sindku ta’ Lampedusa u kienet tinkludi lis-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi, u d-direttur ta’ Kopin, NGO fil-qasam tal-koperazzjoni internazzjonali u l-edukazzjoni fil-qasam tal-Immigrazzjoni. William Grech.

Wara l-laqgħa, kemm Azzopardi kif ukoll Grech stqarrew li din kienet parti minn serje ta’ inizjattivi bl-għan li s-sitwazzjoni preżenti fll-Marsa tkun magħrufa mal-mexxejja dinjin.

“Il-Marsa kellha u għadha tħabbat wiċċha ma’ ħafna sfidi mingħajr ma tingħata l-għajnuna u l-attenzjoni meħtieġa. Din il-laqgħa hija parti mill-mod kif inwasslu l-vuċijiet tar-residenti lill-mexxejja tagħna fuq kull livell.

“Hemm bżonn li l-komunità tagħna tingħata s-solidarjetà b’mod effettiv u prattiku, sabiex verament ħadd ma jbati l-esklużjoni soċjali. Aħna qed naħdmu bla waqfien għax irridu li verament jintlaħqu l-miri tal-Aġenda 2030 u nibnu futur sostenibbli għal kulħadd,” stqarr Azzopardi.

Id-delegazzjoni li ntlaqgħet mill-Papa Franġisku fil-Vatikan kienet tinkludi wkoll is-sindki ta’
Crnomelj u Maribor (Slovenja), Pesaro (Italja), Grande-Synthe (Franza), Traiskirchen, Straß in Steiermark (Awstrija).