Sindku Messikan: Jorbtuh ma’ karozza u jkaxkruh

11-il persuna spiċċaw taħt arrest fin-Nofsinhar tal-Messiku wara li rabtu u kaxkru lis-Sindku tar-raħal permezz ta’ trakk.

Il-Pulizija intervjeniet biex teħles lis-Sindku Jorge Luis Escandón Hernández. Qed jiġi rrappurtat li ma sofriex ġrieħi kbar. Dan kien it-tieni attakk mill-bdiewa li qed jitolbu li jagħmel dak li wiegħed fil-kampanja elettorali tiegħu: li jirranġa triq fil-lokal.

L-aggressuri marru għas-Sindku fl-uffiċċju tiegħu u kaxkruh ‘il barra. Intant, aktar uffiċjali tal-Pulizija ntalbu jmorru fir-raħal li jinsab fl-Istat Chiapas.

Is-Sindki u politiċi fil-Messiku ħafna drabi jispiċċaw fil-mira ta’ gangs tad-droga meta jirrifjutaw li jikkoperaw ma’ skemi kriminali. Imma hija xi ħaġa rari li jiġu attakkati dwar wegħdiet Ii jkunu għamlu fil-kampanja tagħhom qabel ma ġew eletti.

Escandón qal li se jkun qed ifittex bil-Qorti lill-persuni li ħatfuh u ppruvaw joqtluh.

Filmati ttieħdu minn persuni li kienu jinsabu viċin l-uffiċċju tas-sindku. Il-filmati juru grupp ta’ rġiel ikaxkruh barra minn binja u jdaħħluh fuq wara ta’ vettura.