Sindku fil-Messiku jiżżewweġ kukkudrill

Is-sindku tal-belt Messikana, San Pedro Huamelula żżewweġ kukkudrill f’ċerimonja fejn l-għarusa libset l-abjad u l-mistednin qagħdu jiżfnu magħha.
Skont ir-residenti ta’ din il-lokalità mal-baħar, il-kukkudrill hija r-rinkarnazzjoni ta’ prinċipessa u għalhekk permezz taż-żwieġ mas-Sindku qed jittamaw li s-sajjieda tal-post ikollhom sajda abbondanti.
Is-Sindku, Vasquez Rojas saħaq li minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħu li jiżżewweġ il-kukkudrill.
Fi kliem l-anzjani tal-post li żżewweġ il-kukkudrill huwa l-ikbar unur għas-Sindku għaliex dan it-tip ta’ żwieġ huwa l-ikbar teżor li ħallew l-antenati tagħhom.
Kienu l-membri tal-Kunsill Lokali li ħallsu l-ispejjeż biex sar dan it-tieġ u ġie stipulat minn qabel li min ma kienx se jħallas kien se jeħel multa ferm għolja.