Simposju nazzjonali mill-Union Maltija tal-Gwidi Turistiċi (MUTG)

Gwidar ta’ Kwalità għal Turiżmu ta’ Kwalità

Julia Farrugia Portelli u Glorianne Mizzi

Read in English.

L-entità professjonali ewlenija tal-gwidi turistiċi, il-Union Maltija tal-Gwidi Turistiċi (MUTG), ser torganizza simposju nazzjonali b’mod virtwali, via Zoom, nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru 2020 mid-9.30 a.m. bit-tema ‘Gwidar ta’ Kwalità għal Turiżmu ta’ Kwalità’.

Skont il-President tal-MUTG Frans van Avendonk, “L-għan tas-simposju tal-MUTG, li din is-sena qiegħed ifakkar l-40 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, hu biex dawk kollha li huma rilevanti għal din l-industrija prezzjuża f’pajjiżna jsiru konxji li turiżmu ta’ kwalità jista’ jseħħ biss minn protagonisti ta’ kwalità u kkwalifikati fil-qasam tat-turiżmu.

“Dan jista’ jiġi miksub billi nagħtu l-aħjar taħriġ lil dawk li jridu jkunu protagonisti fis-settur, billi nkomplu nħarġuhom b’mod kontinwu tul ħajjiethom, iżda wkoll billi nirregolaw u nilleġislaw b’tali mod li operaturi leġittimi u dawk attivi jkunu protetti minn pirati jew operaturi li jiksru l-liġi bla rażan jew ma jsegwux ir-regoli u l-istandards għad-detriment tal-prodott turistiku lokali.”

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ser tiftaħ is-simposju. Ser isegwuha mhux inqas minn tmin kelliema li ser ikopru l-qasam kollu ta’ turiżmu ta’ kwalità.

Dr Dane Munro, lettur fl-Istitut tat-Turiżmu, Vjaġġar u Kultura (ITTC) fl-Università ta’ Malta u riċerkatur fit-turiżmu marbut mal-fidi u fl-istorja, ser jitkellem fuq Gwidi Turistiċi bħala Sors ta’ Kwalità.

Is-sidien tal-operaturi turistiċi fl-Arġentina Dopazo u Ravenna, Hugo Dopazo u Jorge Ravenna, ser jitkellmu fuq Il-Gwida tat-Turisti bħala Ċavetta għal Esperjenza Memorabbli għall-Vjaġġatur, ibbażat fuq it-twemmin sod li huwa l-element uman li jagħmel kull vjaġġ memorabbli. Għalhekk, jorganizzaw programmi ta’ taħriġ għal min imexxi t-turs tagħhom, u dejjem jimpjegaw l-aħjar gwidi liċenzjati biex iżidu dik ix-xi ħaġa żejda li jittrasforma t-turist fi vjaġġatur.

Dr Michael Tanti-Dougall, avukat li jmexxi l-uffiċċju Tanti-Dougall & Associates, li huma membri sħaħ u attivi fil-Forum Internazzjonali ta’ Avukati fl-Ivvjaġġar u t-Turiżmu (IFTTA), ser jitkellem fuq Ir-Regolamentazzjoni tal-Professjoni tal-Gwidi Turistiċi f’Malta u Għawdex, b’referenza għal xi ġurisdizzjonijiet oħra fl-Unjoni Ewropea.

Efi Kalampoukidou, President tal-Federazzjoni Ewropea ta’ Assoċjazzjonijiet ta’ Gwidi Turistiċi (FEG) u gwida turistika kwalifikata fil-Grieg, l-Ingliż u l-Ġermaniż għall-Greċja kollha, ser titkellem fuq Il-Way Forward – L-Aħjar Prattiċi għal Gwidi Turistiċi fl-Ewropa.

Tom Hooper, MBE, li jaħdem bħala gwida turistika b’kwafika professjonali fil-‘Blue Badge’, li jgħix Londra, ser jitkellem fuq Kwalità u Standards – Perspettiva mill-Ingilterra, minn fejn oriġinat il-‘Blue Badge’. Is-Sur Hooper hu l-President Fondatur tal-Istitut ta’ Gwidi Turistiċi, kien President tal-Federazzjoni Ewropea ta’ Assoċjazzjonijiet ta’ Gwidi Turistiċi (FEG) u serva fuq il-Bord Eżekuttiv tal-Federazzjoni Dinjija tal-Assoċjazzjonijiet ta’ Gwidi Turistiċi (WFTGA).

It-Teżorier tal-MUTG Pawlu Spiteri ser jitkellem fuq L-Impatt Ekonomiku ta’ Gwidi Turistiċi. Apparti milli ggradwa fl-Ekonomija u l-Amministrazzjoni tan-Negozju, is-Sur Spiteri għandu liċenzja biex ikun gwida turistiku bil-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż u l-Ispanjol u ilu jaħdem bħala gwida mill-2013.

Glorianne Mizzi, li kienet President tal-MUTG u taħdem bħala lettur u għalliema ta’ Gwidi Turistiċi fl-Istitut ta’ Studji Turistiċi (ITS), hija l-aħħar kelliema. It-tema tagħha hi Kif Nassiguraw il-Kwalità: Prospettivi għall-Ġejjieni. Ms Mizzi ilha taħdem bħala gwida mill-1996 u kienet membru tal-bord eżekuttiv tal-Federazzjoni Ewropea ta’ Assoċjazzjonijiet ta’ Gwidi Turistiċi (FEG), apparti milli kienet direttur fuq il-bord tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.

L-udjenza mixtieqa għas-simposju, is-Sur van Avendonk qal, huma dawk kollha involuti fit-turiżmu li għandhom jassiguraw li jintlaħaq l-aħjar livell ta’ kwalità. “Fosthom hemm dawk li jagħmlu r-regoli, dawk li jinforzaw u dawk li jagħtu servizz lill-konsumatur. Hemm bżonn li dawn kollha jiġu konvinti fil-ħtieġa u r-riżultati tar-regolamentazzjoni. Mhux dwar kif nipproteġu dawk li jagħtu s-servizz iżda fuq il-prodott u l-konsumatur.

“Bħal issa hemm xi ostakli li jfixklu li jintlaħqu l-ogħla standards. Iżda għallinqas issa sibna koperazzjoni mill-Ministeru għat-Turiżmu u hemm intenzjonijiet tajba biex nimxu ’l quddiem fl-aħjar interess ta’ kulħadd.”

Dawk li jixtiequ jirreġistraw biex jattendu s-simposju, li għalih m’hemmx ħlas, jistgħu jibgħatu emejl fuq: mutgsecretary@gmail.com. Dawn huma mħeġġa jidħlu fis-sessjoni fid- 9.15 a.m.

Ser ikun hemm ċans biex isaqsu l-mistoqsijiet wara d-diskorsi u s-simposju, li għalih il-membru tal-kumitat tal-MUTG Maria Rosner ser tkun il-moderatur, hu mistenni li jispiċċa f’nofsinhar.

Dan it-tagħrif twassal mill-Malta Union of Tourism Guides (MUTG).