Simon’s Pub b’festival għall-Inspire

Se jsir festival biex jiġi ċċelebrat l-20 sena anniversarju ta’ Simon’s Pub Music Festival.
Id-dħul tal-festival se jmur għall-Fondazzjoni Inspire, u se jiġbor flimkien diversi artisti, lokali u barranin, kemm stabbiliti, kif ukoll dawk li għadhom qed jitfaċċaw fix-xena.
Dan il-Festival se jsir il-Ġimgħa 4 ta’Mejju bejn is-7pm u l-11pm, is-Sibt 5 ta’ Mejju mis-7pm sal-11pm u l-Ħadd 6 ta’ Mejju mis-1pm sal-11pm, fit-triq barra Simon’s Pub, Depiro Street, Tas-Sliema. Id-dħul huwa b’xejn, imma tintalab donazzjoni żgħira mal-bieb.
Din is-sena, il-programm se jinkludi lil Red Electrick, flimkien mal-kantant ġdid tagħhom Joe Roscoe u The Crowns, kif ukoll l-internazzjonali Kelly Sloan. Din tal-aħħar għandha stili differenti li jvarjaw bejn soul, rock, blues u jazz.
Il-Fondazzjoni Inspire taħdem ma’ persuni b’diżabilità u tgħinhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Toffri wkoll servizzi edukattivi, terapewtiċi u ta’ divertiment lil persuni b’diżabiltajiet fiżiċi u intellettwali b’xejn jew b’rata sussidjata.
Matul is-snin inġabru iktar minn €100,000 minn dan l-avveniment.