Simon Schembri mhux wieħed mill-pulizija tat-traffiku investigati

Read in English.

Is-Surġent Simon Schembri ddikjara li hu ma kienx wieħed mill-Pulizija tat-Traffiku investigati fl-aħħar jiem.

Dan qalitu s-Simon Schembri Blue Light Foundation fi stqarrija fuq Facebook. Schembri, li tilef idu f’inċident li kważi swielu ħajtu fl-2018, huwa l-fundatur tal-Fondazzjoni. L-istqarrija tinsisti li Schembri qatt ma kien involut fl-ebda offiżi jew reati li qed jiġu allegati.

Il-każ ta’ Schembri jmur lura għal Mejju tal-2018 wara li kien ġie mkaxkar minn karozza għal diversi metri, li wara baqgħet sejra. Hu spiċċa tilef idu l-leminija filwaqt li sofra diversi ġrieħi oħrajn li wassluh għal diżabbiltà ta’ 60%.

STQARRIJA STAMPAWara li Il-Fundatur tagħna, Is-Surġent Simon Schembri u l-familja tiegħu qiegħdin jiġu kkuntattjati…

Posted by Simon Schembri Blue Light Foundation on Monday, February 17, 2020

Il-karozza allegatament kienet qed tinstaq minn Liam Debono, li dak iż-żmien kellu 17-il sena. Hu kien qed isuq il-karozza mingħajr liċenzja u ċinturin tas-sigurtà. Schembri kien waqqaf lil Debono biex jgħidlu jilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà, iżda minflok, ħareġ li dan tajru u baqa’ sejjer sakemm aktar tard inqabad mill-Pulizija.

Debono bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ ħabs għax kien kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Is-Surġent Schembri kien rritorna għax-xogħol fl-1 ta’ Mejju tal-2019 fit-Taqsima tar-Reġistru tat-Traffiku. Huwa qed jgħin ukoll lit-Taqsima tal-Midja tal-Pulizija, l-aktar fejn jidħlu taħditiet fl-iskejjel li għandhom x’jaqsmu mat-traffiku f’Malta.

In-numru ta’ uffiċjali tal-pulizija li ġew arrestati kien dak ta’ 41, b’31 minnhom bil-police bail u sospiżi. B’kollox irreżenjaw seba’ persuni minn mindu ħarġet l-aħbar ta’ allegat abbuż mis-sahra, li kollha ġew aċċettati.