“Il-Pulizija salvaw ħafna ħajjiet fis-skiet”; Simon Schembri ppremjat

Fost l-uffiċjali tal-pulizija li ġew onorati, Simon Schembri rċieva l-unur uffiċjali tas-sena, wara li qatta’ xhur sħaħ jissielet għal ħajtu meta safa’ vittma ta’ hit and run f’Ħal Luqa f’Mejju li għadda.

B’kollox, 32 membru tal-korp ingħataw iċ-ċertifikat ta’ kommemorazzjoni u tal-mertu. L-ewwel distrett ingħata rikonoxximent talli rnexxielu jnaqqas ir-rata ta’ kriminalità. 46 eks membri tal-Korp ingħataw ċertifikat u tifkira wara li rtiraw mis-servizz is-sena li għaddiet u servew fil-Korp għal 25 sena jew aktar.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Michael Farrugia qal li huwa kburi bis-suċċessi tal-Korp miksuba fl-aħħar xhur fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fejn tkissru ċrieki relatati ma’ traffikar ta’ droga u mal-pick-pocketing.

Huwa qal li hemm bżonn li l-pulizija jkomplu jiġġieldu l-kriminalità u ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi diskuss abbozz ta’ liġi biex kull droga sintetika ssir illegali mingħajr il-bżonn li kull tant żmien tiddaħħal fil-lista ta’ droga illegali.

Farrugia qal li ddispjaċieh meta rċieva t-telefonata dwar Simon Schembri, però llum Schembri huwa simbolu tal-Korp tal-Pulizija u l-poplu qed jifhem aktar il-periklu tax-xogħol tal-pulizija. Huwa semma li l-2019 se tibqa’ tissemma għax il-membri tal-korpi dixxiplinati se jkollhom sistema ta’ assiguranza għal diżabilità li jsofru waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

“Ninkoraġġikom biex tkomplu taħdmu għall-ġid u għas-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi, biex tibqgħu magħqudin bħala timwieħed u li ma tħallu lil ħadd jifridkom,” qal il-Ministru.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet hija għal qalbu għax minbarra li l-amministrazzjoni tal-Korp tagħti rikonoxximent lill-uffiċjali li marru oltre minn dak mistenni minnhom, hi okkażjoni fejn jiltaqa’ mal-eks kollegi li żgur għad għandhom għal qalbhom il-Korp.