Simon Schembri b’id u driegħ artifiċjali

Read in English.

Il-Kuntistabbli Simon Schembri se jkun wieħed minn tal-ewwel li jibbenefika mit-taqsima l-ġdida tal-Prostetika u l-Ortotika (OPU) fl-Isptar Karin Grech. Il-prostetika hija manifattura ta’ partijiet tal-ġisem artifiċjali, bħall-idejn u s-saqajn, filwaqt li l-ortotika hija speċjalità medika li tikkrea materjal għall-partijiet tal-ġisem li jkollhom diffikultà.

Schembri kien il-vittma ta’ inċident tat-traffiku f’Ħal Luqa x-xahar li għadda.

It-taqsima l-ġdida tal-Prostetika u l-Ortotika nfetħet mill-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne. Huwa ħabbar li Simon Schembri se jingħata wieħed mill-aktar prostetiċi bijoniċi, jiġifieri artifiċjali, avvanzati fil-jiem li ġejjin.

Qal ukoll li din it-taqsima l-ġdida fl-isptar se tkun qiegħda taqdi aktar minn 15-il elf pazjent, liema domanda hija marbuta mar-rati għolja tad-dijabete f’Malta. Manifattura prostetika li qabel kellha ssir barra minn Malta, issa tista’ ssir lokalment.

Iċ-ċentru l-ġdid qed jaħdem bi sħab mal-kumpanija Amerikana Medical Centre Orthotics and Prosthetics. Bidla oħra hija li issa l-pazjenti jistgħu jinqdew tul il-ġimgħa minflok jistennew xahrejn, permezz ta’ professjonist Amerikan li nġieb Malta apposta għal dan il-għan.

DOI – Jeremy Wonnacott