Simon Schembri b’fondi mill-Protezzjoni Ċivili

Il-Kuntistabbli Simon Schembri, vittma ta’ hit and run, ġie ppreżentat bis-somma ta’ €1,060 mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ġabru dawn il-flus biex jagħtuhom lill-Kuntistabbli Schembri u lill-Ispettur Herman Mula bħala fundaturi tal-Blue Light Foundation.

L-ARO Jonathan Callus huwa r-rappreżentant tad-Dipartiment fi ħdan il-Blue Light Foundation, li l-għan tagħha hu li jinħoloq fond li jibbenefikaw minnu dawk il-membri tal-korpi tal-emerġenza, fosthom il-paramediċi, il-pulizija u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili, li waqt il-qadi ta’ dmirijiethom isofru minn xi inċident.

Matul din il-preżentazzjoni s-Sur Schembri ppreżenta wkoll ittra lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Emanuel Psaila, bħala ringrazzjament għall-intervent immedjat minn ARO Luca Crisafulli dakinhar tal-inċident, li kien kruċjali sabiex salva s-Sur Schembri.

Wara li l-Gvern offra li jħallas l-ispejjeż kollha għall-kura neċessarja tas-Sur Schembri, dan, flimkien mal-Ispettur Mula, ħa l-inizjattiva li dawk id-donazzjonijiet li kienu diġà ngħataw mill-pubbliku għall-kura tiegħu jitqiegħdu f’fond li jintuża f’inċidenti oħrajn simili li jistgħu jseħħu fil-futur.