Simon Busuttil se jibqa’ Membru Parlamentari

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jibqa’ Membru Parlamentari, minkejja li ġie nominat mill-Parlament Ewropew, biex iservi bħala membru ta’ Kumitat ta’ Esperti Ewropej.
Fi stqarrija, il-PN qal li l-Kumitat ta’ Esperti jiltaqa’ biss għal ftit laqgħat fis-sena u għaldaqstant jista’ jibqa’ jservi fil-Parlament Malti, bil-ġlieda kontra l-korruzzjoni tibqa’ l-prijorità politika ewlenija tiegħu.
Il-Kumitat, li huwa mwaqqaf mit-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għandu l-funzjoni li jintervista u jagħti pariri fuq min għandu l-kompetenza li jservi bħala Imħallef tal-Qrati tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 
Il-Kumitat huwa magħmul minn seba’ membri esperti magħżula mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u jiltaqa’ madwar tmien darbiet fis-sena. 
Il-PN qal li Simon Busuttil ġie nnominat mill-Parlament Ewropew ix-xahar li għadda, wara li ħarġet l-aħbar li rriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Spjega li l-ħatra tiegħu mistennija tidħol fis-seħħ minn Marzu 2018 u ddum erba’ snin.
In-nomina saret mill-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew u għad trid tiġi kkonfermata mill-plenarja tal-Parlament Ewropew.