“Simon Busuttil se jgħid x’se jagħmel fil-każ ta’ De Marco?

Il-Partit Laburista qed jesiġi li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għandu jgħid x’se jagħmel dwar il-Viċi Kap Mario De Marco.
F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri u d-Deputat Laburista Luciano Busuttil qalu li l-Kap Nazzjonalista għandu jgħid ukoll x'għamel s'issa dwar dan il-każ.
Filwaqt li rreferiet għall-publikazzjoni tal-kuntratt ta' Ian Borg ilbieraħ, Dr Schembri qalet li Mario De Marco għadu ma ppublikax l-invoices.
Saħqet  li l-aktar fattur importanti fil-każ ta’ De Marco hu li kien il-Ministru responsabbli mill-MEPA. Qalet li f’dan il-każ hemm ksur tal-kodiċi tal-etika tal-Ministri.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li minkejja li l-oppożizzjoni qed tgħid li l-Gvern qiegħed fi kriżi, f’ġimgħa waħda biss tħabbar €83 miljun f’investiment.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Laburista Luciano Busuttil staqsa għaliex De Marco qed jagħmel il-pagamenti issa u għaliex ix-xogħlijiet qed idumu daqshekk biex jitlestew. Qal ukoll li l-fatt li  Mario De Marco għadu ma ppreżenta xejn iqajjem aktar dubji.
Luciano Busuttil temm jgħid li bl-istandards tal-Kap tal-PN, il-pożizzjoni ta’ Mario De Marco m’għadhiex tenibbli.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista:
F’reazzjoni l-PN qal li l-unika mod kif Joseph Muscat jiddefendi ruħu mill-iskandlu ta' Panamagate hija billi jattakka lil ħaddieħor.
Tenna li la darba Joseph Muscat għandu jgħid kif u għaliex il-permess tad-dar tiegħu ħareġ f'temp rekord u saħansitra qabel għalaq iż-żmien għall-oġġezzjonijiet, fi żmien il-Gvern Laburista ta' Alfred Sant. Temm jgħid li Joseph Muscat għandu jgħid ukoll min ħallas għall-vaganza f'Dubaj ix-xahar li għadda, f'waħda mill-aktar lukandi l-aktar għoljin fid-Dubaj.
Reazzjoni Partit Laburista:
F’reazzjoni l-PL qal li filwaqt li jkun hemm ħafna paroli ta’ trasparenza, kontabilità u good governance, il-Kap tal-Oppożizzjoni u dawk ta’ madwaru qed jiksru l-istandards li qed jitkellmu tant dwarhom huma stess.
Temm jgħid li Mario DeMarco u Beppe Fenech Adami ma jridux jipubblikaw l-invoices, l-irċevuti, u l-kuntratti li għandu x’jaqsmu mal-propjetà tagħhom.