Simon Busuttil mistenni jkun il-kap ġdid tal-PN

Dr Simon Busuttil se jkun il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Dan wara li fl-elezzjoni li saret għal din il-kariga matul il-ġurnata tas-Sibt, Busuttil ġab ftit aktar minn nofs il-voti li ntefgħu.

Dan ma kienx biżżejjed biex jinħatar uffiċjalment kap, bl-istatut tal-PN jitlob żewġ terzi tal-voti (66%). Dr Mario De Marco ġie fit-tieni post bi 38.5%, isegwu Dr Francis Zammit Dimech b’6% u Raymond Bugeja b’5%.

Filwaqt li Bugeja ġie eliminat kif jitlob l-istatut tal-PN, Zammit Dimech u De Marco ddeċidew li ma jikkontestawx it-tieni rawnd ta’ votazzjoni, b’turija t’appoġġ għall-kandidatura ta’ Simon Busuttil. Il-kunsilliera tal-PN iridu jikkonfermaw din l-għażla permezz tal-vot tagħhom nhar l-Erbgħa li ġej.

F’kummenti li kiteb fuq facebook, Simon Busuttil qal li f’din l-elezzjoni kien hemm żewġ rebbieħa: Il-Partit Nazzjonalista u l-pajjiż. Irringrazzja lill-kunsilliera tal-appoġġ tagħhom u qal li qed jistenna bi ħġaru il-konferma tagħhom nhar l-Erbgħa li ġej.

F’diskors li għamlu, De Marco u Zammit Dimech qalu li dan il-mument huwa wieħed ta’ għaqda u li l-kap il-ġdid se jkollu l-appoġġ tagħhom. F’diskors qasir, Ray Bugeja rringrazzja lil kap attwali Dr Lawrence Gonzi u lil kunsilliera li wrew fiduċja fih.

Dr De Marco qal li mhux se jikkontesta għall-kariga ta' viċi-kap. 

Fl-aħħar ġimgħat tal-leġislatura li għaddiet, Dr Simon Busuttil serva bħala viċi-kap tal-Partit Nazzjonalista flok Dr Tonio Borg, li kien ġie nnominat biex iservi bħala kummissarju Ewropew. Simon Busuttil daħal fix-xena politika fl-2004 meta kien l-aktar kandidat li ġab voti fl-ewwel elezzjoni għall-Parlament Ewropew, b’madwar 60 elf vot. Fl-2009 hu żied l-appoġġ għal 70 elf vot.