Simon Busuttil lest jieħu “il-passi neċessarji” kontra Pullicino

Il-Kap tal-Partit Simon Busuttil qal li l-wiegħda tiegħu li l-Partit Nazzjonalista se jkun partit tal-verità u tan-nies ifisser ukoll li jkun lest jieħu "il-passi neċessarji" kontra min mhux onest.
Simon Busuttil, li kien qed jitkellem waqt il-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN, kien qed jitkellem b’referenza għall-każ ta’ George Pullicino, fejn il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi qed jallega li l-eks Ministru George Pullicino kien awtorizza rata għolja ta' feed-in tariff għall-elettriku ġġenerat minn pannelli fotovoltajċi fuq il-bjut ta' bini pubbliku.
F’każ li l-Kummissarju tal-Pulizija jaqta' l-każ kontra Pullicino, Simon Busuttil qal li jkun lest jieħu l-passi neċessarji.
Minkejja dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li jekk il-Kummissarju tal-Pulizija jaqta’ l-każ favur George Pullicino, hu jistenna lil Konrad Mizzi jew lil Joseph Muscat biex jerfgħu responsabbiltà.