“Simon Busuttil kontra servizz aħjar tas-saħħa għall-Għawdxin” – PL

Il-Partit Laburista sostna li l-Partit Nazzjonalista hu kontra l-investiment ta’ €200 miljun li l-Gvern qed jinvesti fil-qasam tas-saħħa.
Fi stqarrija l-PL saħaq li l-Kap Nazzjonalista huwa kontra s-servizz għal saħħa aħjar għall-Għawdxin għax wera reazzjoni negattiva lejn it-titjib għall-kwalità aħjar tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Il-PL tenna li l-gvern preċedenti ħalla warajh sptar b’binja ta’ daqs iżgħar minn dak preżenti u li kien mibni b’mod ħazin, sptar li kien fih nuqqas ta’ sodod, u ħalla wkoll stennija twila għall-operazzjonijiet. Barra minn hekk, il-PL qal li kien il-PN li ħalla sitwazzjoni fqira fl-isptar San Luqa u fl-isptar Karen Grech.
Fi tmiem l-istqarrija, il-Partit Laburista sostna li l-investiment qed isir biex ikun hemm servizz aħjar għall-pazjenti u servizz li qed jiftaħ iktar toroq għall-impjegati.
Ilbieraħ f'laqgħa mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), Simon Busuttil qal li hemm dalma kbira fuq dak li qed jiġri dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet.