Aġġornata (1): Simon Busuttil jitlob lill-Pulizija jipproteġu l-whistleblower u l-familja tagħha

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ħeġġeġ lill-Pulizija biex jipproteġu lil whistleblower fil-każ ta’ Egrant u saħaq li jekk “jiġrilha xi ħaġa, aħna se nżommu lil Joseph Muscat responsabbli.
Waqt attività politika f’Ħ’Attard il-Kap tal-Oppożizzjoni rringrazzja lil din il-persuna għall-kuraġġ li wriet meta marret quddiem il-Qorti u xehdet taħt ġurament għal tliet sigħat sħaħ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa kundanabbli kif Kastilja “fetħet il-kanuni” kontra din il-persuna barranija u kien hawn li talab il-protezzjoni għaliha u għal familja.
Dr Simon Busuttil ħeġġeġ lin-nies jimmaġinaw kif ħassu hu meta għandu l-provi quddiemu, li Keith Schembri xxaħħam mill-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment, u jara lill-Prim Ministru jiċħad.
Qal li l-Prim Ministru kapaċi jkun kredibbli. “Lilu temmnu ghax jigdeb qisu xejn mhu xejn,” qal Busuttil iżda hu kellu l-provi quddiemu u għalhekk iddeċieda li l-provi joħroġhom hu stess “mhux bit-teatrini imma kif titlob il-liġi u taħt ġurament.”
Simon Busuttil iħeġġeġ lill-Avukat Ġenerali biex ikun raġel, iwarrab u jieqaf lill-Gvern
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għal artiklu li deher fuq The Sunday Times of Malta u li fih il-gazzetta allegat li l-Kummissarju tal-Pulizija u anke l-Avukat Ġenerali kienu infurmati li kien hemm suspett ta’ ħasil ta’ flus fil-każ ta’ Keith Schembri.
Simon Busuttil qal li dan ikompli jikkonferma l-informazzjoni li ħareġ hu u li l-provi tagħha mar bihom il-Qorti, iżda juri wkoll li l-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali ma għamlu xejn.
Saħaq li waqt li mhux sorpriż bil-Kummissarju tal-Pulizija jinsab iddispjaċut bl-aġir tal-Avukat Ġenerali. Appellalu biex jekk jinsab taħt pressjoni għax mhux jitħalla jaħdem u forsi jinsab ukoll imbeżża’, jiftakar li hu ħa ġurament lejn il-kostituzzjoni u għalhekk ikun raġel, iwarrab u jieqaf lill-Gvern.
"Il-PN qed jistudja informazzjoni ta' korruzzjoni li waslitlu"
Mill-ġdid il-Kap tal-Oppożizzjoni ħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom informazzjoni ta’ korruzzjoni biex imorru għand il-Partit Nazzjonalista u wiegħdhom il-protezzjoni tiegħu.
Saħaq li bħalissa l-Partit Nazzjonalista jinsab fi proċess li jistudja l-informazzjoni li waslitlu u nsista li hu joħroġ informazzjoni meta jkun ċert minnha 100%.
Simon Busuttil iwiegħed bidla fis-sistema tal-maġistratura u tibdil kostituzzjonali
Wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux biss jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet imma anke jibdel is-sistema tal-maġistratura u jkun hemm maġistrat li jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni mingħajr ma jintalab mill-Gvern biex jagħmel dan.
Dan bħal kumplament tal-maġistrati, l-imħallfin u uffiċjali f’karigi għolja jinħatru biż-żewġ terzi tal-Parlament.
Wiegħed ukoll li Gvern Nazzjonalista jibda proċess ta’ konsultazzjoni  għal tibdil kostituzzjonali biex anke l-istrutturi kollha tal-pajjiż ikunu ta’ integrità u jkunu “labour proof.”
"Ir-responsabbiltà hi tad-Deputati Laburisti"
Faħħar ukoll il-ftehim li l-Partit Nazzjonalista laħaq mal-Partit Demokratiku u ħeġġeġ partiti u personalitajiet oħra biex jingħaqdu f’din il-forza nazzjonali.
Temm billi faħħar lil Godfrey Farrugia għall-pass li għamel ilbieraħ u ħeġġeġ deputati oħra, li għandhom il-poter biex ineħħu lil Joseph Muscat, biex iressqu vot ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru.
"Busuttil jammetti li qata' qalbu mill-fiduċja tan-nies" – PL
Il-Partit Laburista qal li bl-appell tiegħu lid-Deputati Laburisti biex ineħħu lil Joseph Muscat minn Prim Ministru, Simon Busuttil ammetta li qata’ qalbu li xi darba se jagħtuh aktar fiduċja minn Muscat.
Fi stqarrija, il-PL qal li n-nies ma jafdawx il-koalizzjoni “ta’ konfużjoni” bejn Simon Busuttil u l-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jieqaf jimmina l-Avukat Ġenerali”
Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għandu jieqaf jimmina l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.
Sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni jaf li l-Uffiċju u l-kariga tal-Avukat Ġenerali huma protetti b’liġijiet speċjali li jiggarantixxu awtonomija u indipendenza sħiħa mill-gvern tal-ġurnata.
Il-Gvern saħaq li s-sistema legali tagħna tipprovdi, fost oħrajn, li l-Avukat Ġenerali ma jistax jitneħħa mill-kariga jekk mhux bil-vot ta’ żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati. Qal li dan sabiex ikun assigurat li d-deċiżjonijiet li jieħu l-Avukat Ġenerali u l-Uffiċju tiegħu jittieħdu mingħajr biża’ jew favuri, u b’mod kompletament distikkat mill-gvern tal-ġurnata.
Temm billi qal li “l-Oppożizzjoni għandha taġixxi b’maturità fil-konfront tal-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u tieqaf timmina din l-istituzzjoni importanti u kruċjali għal pajjiżna.”