Simon Busuttil jitlob lil BOV jispjega s-somma ta’ €260,000 bħala termination benefit lil Michael Falzon

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lil BOV jispjega lill-pubbliku s-somma ta’ €260,000 li l-bank ta lil Michael Falzon bħala termination benefit biex jieħu l-kariga f’Kastilja.
F’kollegament telefoniku fuq ir-Radju tal-Partit Nazzjonalista qal li kieku kien fit-tmexxija, minnufih kien iwaqqaf lil “Ray Zammit u lil uliedu minn kull kariga pubblika minħabba l-intriċċi fl-iskandlu Gaffarena-Zammit.” Żied li kien jitlob minnufih lil Michael Falzon biex jirreżenja minn Segretarju Parlamentari.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa inaċċetabli li fl-aħħar jiem smajna b’numru ta’ skandli. Semma ż-żagħżugħ ta’ 18-il sena li tpoġġa shareholder u direttur f’kumpanija tas-sigurtà tal-Gvern u l-każ ta’ Strada Zekka fost oħrajn. Qal li dawn huwa biss "the tip of the iceberg."
Simon Busuttil fakkar li l-Gvern qed jaħbi l-kuntratt dwar iż-Żonqor, il-kuntratt mal-Electrogas, il-kuntratt max-Shangai Electric u l-kuntratt ta’ Henley & Partners. Żied li “jaħbi min għandu għalfejn jaħbi.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li għall-iskandli tal-Gvern qed iħallas il-poplu. Qal li filwaqt li l-Gvern “għamel multi-miljunarju lil Gaffarena," qed jiżdiedu l-ammont ta’ persuni jaħdmu fil-prekarjat. “Il-ġid li qed jinħoloq mhux jitqassam b’mod ġust, u dan in-nies qed jirrealizzawh,” temm jgħid Busuttil.
Intant, Simon Busuttil reġa tenna li l-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat li jnaddaf il-politika. Spjega li qed jintrabat li jagħmel dan billi jassigura li l-politiċi jġibu ruħhom b’mod xieraq, anke permezz ta’ Kodiċi ta’ Etika li l-poplu se jkun jaf bih minn issa. Żied li hemm bżonn li jkun hemm Kummissarju Parlamentari li jiċċekja l-imġieba, fosthom l-assi tal-Membri Parlamentari.
Kompla jgħid li jekk ikun fil-Gvern jassigura li d-Deputati Parlamentati ma jkunux f’bordijiet pubbliċi u li ħatriet jgħaddu mill-Parlament u mhux mill-Gvern waħdu.