Aġġornata: Simon Busuttil jitlob għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija

B’reazzjoni għall-konferenza tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit saħaq li f’dan l-istadju l-Pulizija ma għandiex provi biżżejjed biex John Dalli jitressaq quddiem il-qorti.

Il-Pulizija tkompli tgħid li dan il-każ għadu qed jiġi nvestigat u konklużjonijiet li joħorġu issa jistgħu jippreġudikaw il-każ.

L-istqarrija tagħlaq billi tgħid li l-Kummissarju mhux lest li jidħol f’kontroversja politika li jistgħu joħolqu preġudizzji fl-investigazzjoni ta’ dan il-każ.

Aktar qabel:

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sejjaħ għar-riżenja tal-Kummisarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit wara x-xhieda fil-Qorti tal-eks Kummisarju tal-Pulizija John Rizzo b’rabta mal-każ tal-eks Kummisarju Ewropew John Dalli.

Simon Busuttil qal li l-fatt li John Dalli ġie lura Malta wara l-elezzjoni ġenerali juri fiċ-ċar li kien hemm indħil politiku minn naħa tal-Gvern f’din l-investigazzjoni.

Ilbieraħ, l-eks Kummisarju tal-Pulizija spjega fil-Qorti li huwa ddeċida li jinvestiga lil John Dalli wara li ntlaħaq ftehim mal-Avukat Ġenerali u ċaħad li xi darba tkellem mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi jew ma’ xi Membru Parlamentari ieħor b’rabta mal-każ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li ma jistax ikun li l-Avukat Ġenerali jbiddel il-pożizzjoni tiegħu maż-żewġ Kummisarji u qal li hu stess tkellem mal-Avukat Ġenerali Peter Grech biex jifhem sew il-pożizzjoni tiegħu.

Busuttil spjega li hu ma jridx jidħol fil-kwistjoni dwar jekk John Dalli hux ħati jew le imma tkellem dwar il-ġustizzja f’Malta, u qal li l-ġustizzja m’għadiex l-istess għal kulħadd imma saret skont kif jidhirlu l-Gvern.

Fl-aħħarnett Busuttil talab ukoll lill-Prim Ministru biex jerfa’ r-responsabbilita’ u saħaq li l-Gvern Laburista qed imur kontra l-wegħda tal-meritokrazija u l-ġustizzja.