Aġġornata: Il-Prim Ministru jafda fil-pulizija wara li Busuttil talab inkjesta pubblika dwar JPO u Franco Debono

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li jafda fil-pulizija li jieħdu l-passi kollha neċessarji fir-rigward ta’ kwalunkwe każ li jiġi quddiemhom.

Fi stqarrija, Dr Muscat innota s-sens ta’ sproporzjon tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jrid inkjesta pubblika fuq battibekk f’ħanut tal-pastizzi, iżda ma jitniffisx dwar l-ikbar skandlu fl-istorja tal-pajjiż dwar xiri taż-żejt.

Aktar kmieni:

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil talab li ssir inkjesta pubblika dwar l-imġiba ta' Jeffrey Pullicino Orlando u Franco Debono.

Fi stqarrija intqal li fid-dawl tal-fatt li kemm Jeffrey Pullicino Orlando kif ukoll Franco Debono fil-preżent huma uffiċjali pubbliċi fil-karigi ta' Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u Kummissarju tal-Liġijiet u Koordinatur tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali rispettivament, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Simon Busuttil talab lill-Prim Ministru sabiex jaħtar bord ta' inkjesta pubblika bl-inkarigu li tiġi mistħarrġa u eżaminata l-imġiba ta' dawn iż-żewġ uffiċjali pubbliċi.

Dan wara li allegatament kmieni dalgħodu Jeffrey Pullicino Orlando u Franco Debono nsulentaw u għajru lil Nicky Azzopardi li jaħdem fl-Uffiċċju Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Intqal ukoll li l-istess Nicky Azzopardi spiċċa wkoll attakkat u msawwat minn persuna oħra. 

Dr Simon Busuttil sostna li l-imġiba ta' Jeffrey Pullicino Orlando u Franco Debono hi waħda skandaluża u għal kollox inaċċettabbli f'soċjetà demokratika Ewropea b'mod partikolari meta din tkun ta' persuni li ġew fdati b'karigi pubbliċi u li suppost għandhom iservu ta' eżempju tajjeb għall-bqija tas-soċjetà. 

Dr Busuttil fisser kif il-Partit Nazzjonalista mhux ser jittollera l-ebda intimidazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema tiegħu.