​Simon Busuttil jirbaħ libell lill-gazzetta Kullħadd

L-ekskap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil rebaħ libell li fetaħ lill-gazzetta Kullħadd, dwar artiklu li ppubblikat fil-faċċata fl-2014, bit-titlu Direct orders għal Simon Busuttil.
Dr Busuttil rebaħ €1,000 f’danni hekk kif il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale kkonkludiet li l-artiklu kien malafamanti.
L-artiklu kien jallega li meta Dr Busuttil kien Membru Parlamentari Ewropew, il-kumpanija legali Europa Research and Consultancy Services Ltd, li tagħha Busuttil kien shareholder, irċeviet mal-€500,000 f’konsulenza u servizzi lill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.
Fil-Qorti, l-eksdeputatmexxej Laburista Toni Abela, li dakinhar kien editur tal-gazzetta, kien qal li hu eżerċita l-irwol editorjali tiegħu b’diliġenza sħiħa skont il-liġi, u li dak li nkiteb dwar Simon Busuttil kien kumment ġust.
Il-Qorti osservat li l-evidenza kollha turi li l-uniku tender tal-Gvern li rebħet din il-kumpanija legali jmur lura għal Settembru 2010, u li kien hemm involviment ta’ tliet kumpaniji oħra.
Il-Maġistrat innota wkoll li d-dritt għal-libertà tal-espresssjoni kellu jiġi bbilanċjat mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. 
Fi Tweet, Dr Busuttil qal li fl-aħħar ħarġet il-verità dwar il-każ, u jistaqsi jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat issa hux se jerfa' responsabbiltà politika dwar gidba li dehret fuq gazzetta tal-Partit Laburista:
Sadanittant fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonallista, l-ekskap Nazzjonalista qal li wara snin twal jigdbu fuqu u jippruvaw iħammġu ismu, il-midja tal-partit ta' Joseph Muscat illum ħarġet giddieba u ġiet ikkundannata mill-Qorti f'kawża ta' libell. 

https://platform.twitter.com/widgets.js

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-Qorti kkonfermat id-direct orders lill-kumpanija li Dr Busuttil hu azzjonist fiha. Il-Partit Laburista qal li jekk Simon Busuttil spiċċax gawda minnhom jew le "jibqa' jiġġudikah il-poplu". Il-Partit Laburista qabbel dan il-każ ma' "logħob bil-legaliżmi" meta qal li Simon Busuttil flimkien ma' oħrajn "iffangaw" fi żmien gvernijiet Nazzjonalisti.