Simon Busuttil jirbaħ 5 libelli dwar il-każ ta’ Gaffarena

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil rebaħ ħames libelli kontra l-Orizzont, it-Torċa, One Radio, u One Television wara li dawn allegaw li kien iltaqa’ man-negozjanti tal-familja Gaffarena biex iħammeġ isem l-eks Kumissarju Ewropew John Dalli.

Il-Qorti ordnat li Simon Busuttil kellu jingħata €7,000.

L-ewwel storja b’rabta mal-allegat każ dehret fl-2015. L-eks editur tal-Orizzont, Josef Caruana, qal li bbaża l-artiklu fuq sors anonimu u li kkonferma l-informazzjoni ma’ Gaffarena.

Skont il-midja, Busuttil iltaqa’ mal-familja Gaffarena qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 u qalilom li setgħu jirċievu permess għall-bini ta’ pompa tal-petrol. Busuttil kien il-Viċi Kap tal-PN dak iż-żmien.

Allegatament din il-laqgħa ġiet organizzata mill-eks Ministru tal-PN Joe Cassar. Madanakollu, il-Qorti qalet li l-verżjoni ta’ Cassar kienet aktar kredibbli.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li Joseph u Marco Gaffarena gidbu  u taw verżjoni tal-fatti bbażata fuq il-mibegħda li għandhom fil-konfront ta’ Simon Busuttil.

Skont il-Qorti, l-familja Gaffarena ppretendiet li peress li ħalset €20,000 lill-PN, jinħarġilhom permess għall-iżvilupp. Meta dan il-permess ma ħarigx, il-Qorti qalet li l-familja kienet lesta li anke tixhed falz.

Il-Qorti fakkret li d-dritt tal-libertà tal-epressjoni mhux liċenza biex wieħed iħammeġġ ir-reputazzjoni ta’ ħaddieħor u mbagħad jipprova jistaħba wara dan id-dritt.