Simon Busuttil jgħid li l-PM qed jigdeb dwar il-laqgħat ma’ Gaffarena

Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru qed jigdeb meta jgħid li fil-laqgħat ma’ Gaffarena ma tkellmux dwar il-pompa tal-petrol.
F’intervista li xxandret fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil fakkar kif f’artiklu f’ġurnal lokali f’Marzu tas-sena l-oħra Michael Farrugia, dak iż-żmien inkarigat mid-dipartiment tal-artijiet, qal li l-Partit Laburista wiegħed il-pompa tal-petrol lil Gaffarena qabel l-elezzjoni.
Busuttil saħaq li dan jikkontradixxi dak li qal il-Prim Ministru illum. Simon Busuttil kompla jgħid “hemm bżonn li nnaddfu l-politika u għandna bżonn kultura ta’ riżenji”.
Fakkar li l-Prim Ministru tela’ bl-għajta ta’ meritokrazija iżda ma ħax passi fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. “Wasal iż-żmien li Michael Falzon jerfa’ r-responsabilità politika u jirriżenja.”, tenna Busuttil.
Simon Busuttil qabbel lill-Prim Ministru mal-istorja tal-imperatur miexi fit-triq mingħalih li liebes imma kien bla ħwejjeġ għax fi kliemu, l-Prim Ministru mhux qed jagħraf bejn dak li hu etiku u dak li mhux.
Fost l-iskandli li semma l-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ dak li jinvolvi l-GWU fejn qed tikri l-post tagħha meta suppost ma taqlax flus fuq artijiet mgħoddiha lilha mid-dipartiment tal-artijiet għal skopijiet ta’ li tirrappreżenta lill-ħaddiema.
Busuttil tenna’ li n-nies kapaċi jaslu għall-konklużjonijiet waħedhom wara dawn l-istejjer ta’ skandli. “Tant qed jaffeġ dal-Gvern li mhux ta’ b’xejn li n-nies jibdew jitilfu l-fiduċja fil-politiċi”, kompla jgħid Busuttil.
Tkellem dwar it-talba tal-Oppożizzjoni li l-Gvern għandu jappunta inkjesta indipendenti dwar Identity Malta. Simon Busuttil qal li din l-entità tal-Gvern hija mimlija skandli u li l-Prim Ministru għandu jerfa’ r-responsabilità politka dwarha.
Fuq il-kwistjoni tal-Visas, l-Oppożizzjoni mhiex se tieqaf milli taqdi dmira u tfittex it-tweġibiet dwar numru ta’ allegazzjonijiet.
Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru qed jipprivatizza l-unika sptar pubbliku f’Għawdex. Saqsa dwar x’se jagħmlu l-Għawdxin li jridu jinqdew minn sptar tal-Gvern.  Saħaq li għalkemm il-Partit Nazzjonalista mhux kontra l-privatizzazjoni ta’ setturi oħra, l-isptar ta’ Għawdex għandu jitħala f’idejn il-Gvern biex ikompli jaqdi lill-Għawdxin mingħajr ebda ħlas.
Intant, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-gazzetti tal-lum jitkellmu dwar diversi skandli iżda l-Prim Ministru qed jagħżel li jinjorahom.
Reazzjoni PL
F'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li Simon Busuttil qed jipprova jbeżża lill-poplu Malti u Għawdxi u lil ħaddiema tal-istess sptar għax ma jridx investiment privat li se jfisser kura aħjar u servizzi tal-aqwa kwalità.Il-Partit Laburista qal li Simon Busuttil qed jipprova jfixxkel bħal m’għamel fil-każ tal-Enemalta, bħal programm ta’ Ċittadinanza b’investiment u issa anke fil-qasam tas-saħħa.