Simon Busuttil jgħid li hemm qabża bejn dak imwiegħed qabel l-elezzjoni u r-realtà ta’ llum

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, qal li f’sitt xhur ta’ Gvern Laburista, ir-realtà qed turi qabża kbira minn dak li kien biegħ lil poplu qabel l-elezzjoni, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet li sarulu fuq il-Fosos tal-Furjana bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza mill-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil qal li l-għajta ta’ “Malta Tagħna Lkoll” li biha tela’ fil-Gvern il-Partit Laburista, issa qed turi realtà differenti. Semma kif il-ħatriet tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Kap tal-Armata saru fuq għażla politika mill-Gvern mingħajr kunsens. Simon Busuttil qal ukoll li għalkemm il-Partit Nazzjonalista huwa favur ta’ investiment barrani fil-pajjiż, semma kif in-negozjati mal-Gvern Ċiniż dwar ix-xiri tal-Enemalta sar bil-moħbi, mingħajr sejħa għall-offerti u mingħajr konsultazzjoni mal-istess ħaddiema tal-korporazzjoni.

Intant iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza fuq il-Fosos ikomplu llejla permezz ta’ mass meeting indirizzat mill-istess Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.