Simon Busuttil jesponi xogħol artisti Maltin fl-uffiċini tiegħu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil nieda l-inizjattiva Perspettivi, bil-għan li fl-uffiċju tiegħu fid-Dar Ċentrali u fil-Parlament, jesponi xogħlijiet artistiċi ta’ artisti Maltin u Għawdxin.
Waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva, Simon Busuttil qal li din hi opportunità unika għalih li jkun f’kuntatt ma’ artisti permezz tax-xogħlijiet tagħhom, filwaqt li jippromwovi t-talent artistiku ma’ kull min iżur l-uffiċini tiegħu.
Dr Busuttil qal li l-arti u l-kultura huma ta’ prijorità politika fil-pajjiż u li għalhekk waqqaf forum biex titfassal strateġija biex l-artisti Maltin u Għawdxin ikunu appoġġjati fl-espressjoni tal-identità artistika tagħhom.
Irringrazzja lill-Fondazzjoni AZAD tal-impenn tagħha biex tmexxi din l-inizjattiva.