“Simon Busuttil jaqta’ l-ispiża fil-qasam tas-saħħa” – Chris Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li jekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ikun fil-Gvern jaqta’ l-ispiża fil-qasam tas-saħħa u jreġġa’ l-arloġġ lura għall-mediċini out of stock, pażjenti fil-kurituri u waiting lists għall-operazzjonijiet
F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ministru Chris Fearne qal li fl-2012 il-qasam tas-saħħa kien mifni bi problemi bħal mediċini out of stockwaiting lists għall-operazzjonijiet u Ċentri tas-Saħħa mitluqa.
Qal li min-naħa l-oħra dan għax għal dan il-Gvern, il-qasam tas-saħħa huwa prijorità, żied l-ispiża rikurrenti u anke l-ispiża kapitali.
Spjega li dan il-Gvern żied in-nefqa fil-mediċini b’44%, in-nefqa fis-saħħa mentali żdiedet bi €8 miljuni u n-nefqa fil-pagi żdiedet b’ €84 miljun.
Żied jgħid li l-PN, permezz tal-konsulent tiegħu tal-finanzi Tonio Borg, qal li s-saħħa ma tistax tibqa’ b’xejn.
"Il-PN jiggarantixxi li s-saħħa tibqa' b'xejn"
F’reazzjoni,il-Partit Nazzjonalista qal li hu jiggarantixxi li s-saħħa tibqa’ b’xejn f’Malta.
Żied jgħid li dan għall-kuntrarju tal-Partit Laburista għax il-Prim Ministru Joseph Muscat biegħ l-isptarijiet ta’ Malta.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista