Simon Busuttil jappella għar-riżenja tal-Ministru għal Għawdex

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella għar-riżenja tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo wara rapport f'ġurnal lokali żvela li nqabad isuq karozza mingħajr polza tal-assikurazzjoni u mingħajr liċenzja tas-sewqan.
Fl-indirizz tiegħu f’attività politika fil-każin tal-PN ta’ Ħaż-Żebbuġ, Dr Busuttil sostna li filwaqt li s-Sindku tal-PN tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi din il-ġimgħa rriżenja għax mistenni jiffaċja akkużi relatati ma’ inċident tat-traffiku, Dr Refalo żamm din il-kwistjoni moħbija għal xahar.
Qal li din turi d-differenza ċara fl-istandards tal-PN meta mqabblin ma’ dawk tal-PL.
Sostna li ma nistgħux nibqgħu f’inċertezza u hemm bżonn nibdew naddattaw sens ta’ normalità. Dr Busuttil saħaq li l-PN qiegħed fit-triq it-tajba u hu x-xaqq ta’ tama għal dawk li jridu politika onestà.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar is-seduta parlamentari ta’ 13-il siegħa ta’ nhar it-Tnejn li għadda dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern. Saħaq li din uriet li l-Gvern qiegħed “in denial” dwar il-ħsara li qed issir lir-reputazzjoni ta’ Malta minħabba l-iskandlu tal-Panama Papers.
Sostna li l-Prim Ministru Joseph Muscat tilef kull awtorità morali meta baqa’ jiddefendi lill-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri, li t-tnejn kienu msemmija fl-iskandlu minħabba l-kumaniji sigrieti tagħhom fil-Panama. It-tnejn li huma qed jiċħdu li żbaljaw.
Simon Busuttil qal li “r-realtà tagħna hi r-realtà tan-nies, iżda l-Prim Ministru qed jgħix f’dinja differenti fejn kollox jgħaddi. Tliet snin wara l-elezzjoni ġenerali, Joseph Muscat hu kompletament maqtugħ mir-realtà.”
Saħaq li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tippersisti sakemm tittieħed azzjoni u sakemm tittieħed ir-responsabbiltà.
Reazzjoni Partit Laburista
Il-Partit Laburista qal li huwa ċar li Simon Busuttil mhux qed jagħti każ ta' vot demokratiku fil-Parlament u qed ikompli jkun negattiv.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed ikompli jaħrab u jikser kliemu stess fuq il-governanza bil-każijiet li għaddejjin fost dawk ta' madwaru.
Temm jgħid li Dr Busuttil għandu jieħu deċiżjoni ċara dwar il-Viċi Kapijiet tiegħu u jirtira l-iskema "ta' dejn sigriet u tal-obbligazzjonijiet."
Reazzjoni Ministeru għal Għawdex
Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex iżomm sens ta' proporzjon.
Qal li mhux sew li l-Ministru Refalo ġie mqabbel mas-Sindku tar-Rabat Għawdex li allegatament "kien taħt influwenza ta' xi sustanzi" meta ħabat.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-fatt li l-Ministru għal Għawdex kiser il-liġi u ħeba dan għal aktar minn xahar ma jista’ jmerieh qatt. 
Temm jgħid li l-anqas ħaġa li messu jagħmel Anton Refalo hi li jerfa’ r-responsabbiltà politika kif għamel l-eks-Sindku tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi, u mhux jattakkah.
Reazzjoni Samuel Azzopardi
B’referenza għar-reazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, Samuel Azzopardi ċaħad li dakinhar tal-inċident kien taħt l-influwenza ta’ sustanzi.
Azzopardi qal li qatt f’ħajtu ma ħa xi sustanzi illegali.
Temm jgħid li dawn l-allegazzjonijiet huma intiżi biex itellfu l-ġieħ, l-integrità u r-reputazzjoni tiegħu.