Simon Busuttil imsejjaħ id-Depot minħabba l-posters

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista ntalab imur l-għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta għada fit-3pm sabiex iwieġeb mistoqsijiet dwar l-allegat użu tal-karozza tiegħu biex jinxterdu posters f’għeluq is-sitt xhur mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fi tweet, Dr Busuttil irrimarka li għall-Kummissarju tal-Pulizija jidher li dawn l-allegazzjonijiet huma aktar importanti milli jinterrogaw lill-Ministru Chris Cardona li lbieraħ ħarġet informazzjoni li jaf tkellem mal-akkużati tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u ċ-Chief of Staff, Keith Schembri.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Fi tweet, il-Membru Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield qal li meta Dr Busuttil kien mstoqsi mill-ġurnalisti dwar ir-raġuni għalfejn il-karozza tiegħu kienet il-Belt fl-4am dakinhar, hu kixef li l-karozza kienet qed tintuża mis-sieħba tiegħu, Kristina Chetcuti.
Għal dan, Chetchuti wieġbet lil Bedingfield billi qalet li kulħadd jaf li hi attivista u taħdem għall-ġustizzja f’Malta.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Il-PD juri sapport lil Dr Busuttil
Il-Partit Demokratiku qal li jissapporta lil Dr Busuttil fil-ġlieda tiegħu għall-ġustizzja.
Fi stqarrija il-PD nsista li jiddubita li hemm intenzjonijiet tajbin wara l-interrogazzjoni li ssejjaħ għaliha Dr Busuttil.
Sostnew li l-allegazzjonijiet ta’ korruzjoni fl-aktar livelli għolja tal-Gvern għandhom iqajjmu aktar tħassib minn dan il-każ li sejħulu wieħed ta’ “eżerċitazzjoni tad-drittijiet”.