Simon Busuttil fuq il-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil ġie innominat fuq il-Kumitat
Permanenti dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Busuttil flimkien mad-
deputat Carm Mifsud Bonniċi se jirrappreżentaw lill-Oppożizzjoni waqt li l-
membri għal Gvern huma Edward Zammit Lewis u Byron Camilleri.

Din kienet l-ewwel ħatra ta’ Busuttil mindu ħareġ ir-rapport Egrant u r-
reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li talbu biex jirtira mill-grupp
parlamentari Nazzjonalista waqt li neħħih mill-kelliem tal-Oppożizzjoni
dwar il-governanza tajba.

L-ispeaker Anġlu Farrugia nħatar chairman tal-istess Kumitat dwar l-
Istandards.

Il-Kumitat se jkollu s-setgħa li jinvestiga ksur ta’ dmirijiet statutorji jew
etiċi ta’ persuna fil-ħajja pubblika, inkluż il-Membri Parlamentari.
Fl-istess seduta, il-Parlament approva l-vot tal-uffiċċju tal-Kummissarju
dwar l-Istandards George Hyzler, li kien ġie maħtur f’Settembru li għadda.

F’kumment fuq midja soċjali, Busuttil qal li jinsab kuntent li ġie appuntat
membru fil-kumitat permanenti u jħares ‘il quddiem biex jaħdem għal
standards aħjar fil-ħajja pubblika.