Simon Busuttil bla pożizzjoni dwar il-kaċċa – PL

Il-Partit Laburista qal li ħadd għadu ma jaf x’inhi l-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li min-naħa ta’ Dr Simon Busuttil qed jiddomina biss skiet li jtarrax tant li lbieraħ l-istess Kap Nazzjonalista ma lissen l-ebda kelma dwar din il-materja.
Intqal li l-poplu qed jara d-differenza bejn Kap tal-Oppożizzjoni li jrid joqgħod fuq il-gallarija u Prim Ministru li minkejja li tista’ ma taqbilx miegħu, mhux qed jaħrab mir-responsabbilità li jiddeċiedi.

Reazzjoni PN:
Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija qal li tlitt ijiem biss wara li l-Prim Ministru iddikjara li mhux se jippolitiċizza r-referendum dwar il-kaċċa kiser il-wegħda tiegħu stess tant li l-Partit Laburista ħareġ stqarrija jattakka lill-Kap Nazzjonalista.
Intqal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha ċara li ta direzzjoni sabiex il-Partit Nazzjonalista jibda jiddiskuti din il-materja fl-istrutturi tiegħu u se jkun qed jagħmel il-pożizzjoni tiegħu pubblika la darba din id-diskussjoni titesta u tittieħed deċiżjoni. 
Fi stqarrija ntqal li l-Partit Laburista attakka lill-Partit Nazzjonalista li qed jiddiskuti l-kwistjoni meta l-Partit Laburista lanqas biss se jiddiskuti l-kaċċa iżda ħalla lill-Prim Ministru jiddeċiedi waħdu daqs li kieku kien mexxej ta’ pajjiż komunista.