Simon Busuttil jappella lill-Gvern biex ifassal pjan għall-ħolqien tal-impjiegi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil reġa’ appella lill-Gvern biex ifassal pjan konkret għall-ħolqien tal-impjiegi.

Busuttil għamel dan l-appell fi tmiem żjara li għamel lill-kumpanija Mdina Glass f’Ta’ Qali, liema żjara kienet parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Indipendenza.

Jakkumpanjaw lil Simon Busuttil kien hemm ukoll id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista, Marthese Portelli u Antoine Borg.

Simon Busuttil irringrazzja lil Joseph Said, il-propjetarju tal-Mdina Glass li ilha topera għal 45 sena u timpjega 50 persuna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-kumpaniji ż-żgħar u medji f’Malta huma is-sinsla tal-ekonomija tal-pajjiż.

Busuttil enfasizza li huwa ferm importanti li l-Gvern ikollhu pjan ċar kif se joħloq impjiegi ġodda u jinċentiva lil dawn il-kumpaniji żgħar billi joħroġ b’inċentivi ġodda li jkunu abbinati wkoll ma’ setturi oħra fosthom it-turiżmu.