Bomba Fgura: Irrappurtati aktar żviluppi

Bdew ħerġin żviluppi mhux uffiċjali dwar il-każ tal-bomba li tqiegħdet ma’ karozza pparkjata fil-Fgura nhar il-Ħamis li għadda.

Kemm it-Times of Malta kif ukoll One News irrappurtaw li l-investigaturi li  qed jaħdmu fuq il-każ irnexxielhom joħorġu s-sim card li naqset milli tisplodi l-karozza.

Ir-rapporti jgħidu li s-sim card mistennija tgħin sostanzjalment fl-investigazzjoni biex jinstab min kien wara din il-bomba, li qed jingħad li kienet magħmula minn xi ħadd mhux daqstant esperjenzat. Dan minħabba li nstabu bosta żbalji elettroniċi li wasslu biex il-bomba ma ħaditx, minkejja li l-card ġiet attivita.

Hu mifhum li l-karozza, Mitsubishi Pajero/Shogun hija ta’ Mario Scicluna, negozjant tal-karozzi minn Ta’ Sannat li jgħix il-Fgura.

Il-karozza kienet ipparkjata f’żona residenzjali fi Triq Sant’Antnin u li kieku ħadet setgħet weġġgħet xi nies fl-akwati.

Skont One News, fl-aħħar sigħat Scicluna ġie msejjaħ mill-Pulizija sabiex jgħinha fl-investigazzjonijiet.

It-Times irrappurtat li minkejja li Scicluna huwa magħruf mal-pulizija, ir-reati tiegħu ma kinux kbar.

Minn dak li rrapporta One News ftit wara li ħarġet l-aħbar, il-bomba li ntużat f’dan il-każ m’għandha l-ebda similarità ma’ dik li ntużat fil-każ tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-karozza bħalissa tinsab għand il-pulizija sabiex jitkomplew l-ispezzjonijiet fuqha, filwaqt li l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera qed tkompli bl-inkjesta maġisterjali.