Silvio Valletta sostitwit fl-FIAU; se jirtira mill-Korp

Id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta mhux se jibqa’ jservi fuq il-Bord tal-Gvernaturi tal-aġenzija tal-Gvern ta’ kontra l-ħasil tal-flus (FIAU). Il-Pulizija qalet li Valletta se jkun qed jirtira mill-Korp.

Fil-gazzetta tal-Gvern tat-30 ta’ Lulju tħabbar li Valletta se jiġi sostitwit minn Dr Martin Sammut fuq il-bord tal-FIAU. Skont is-sit tal-Gvern, il-ħatra ta’ Valletta fuq il-bord kellha tibqa’ valida sat-22 ta’ Jannar 2020.

Fl-istess gazzetta tħabbar li d-Deputat Chairperson tal-FIAU Dr Anton Bartolo se jitneħħa mill-FIAU u minfloku se jkun hemm Dr Edwina Licari. Intqal li l-karigi ta’ Sammut u Licari huma validi sat-22 ta’ Jannar 2020.

Ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Pulizija qalet li d-deċiżjoni li d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta jiġi sostitwit “hija biss riżultat tal-fatt illi s-Sur Valletta se jirtira mill-Korp u ta’ xejn iżjed.”

Il-kelliema żiedet tgħid li skont l-Att Kontra l-Ħasil tal-Flus, persuna li ma tibqax uffiċjal b’salarju fuq bażi permanenti tal-organizzazzjoni li tkun irrakkomandatu għall-ħatra fuq il-Bord tal-FIAU ma tistax’ tibqa fuq dak il-Bord. Valletta kien maħtur fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija.

F’Ottubru tal-2018, attivisti ta’ Occupy Justice u l-blogger Manuel Delia bgħatu ittra lill-Kummissarju tal-Pulzija biex Silvio Valletta jitneħħa mill-Bord tal-FIAU.

Assassinju Daphne: Il-familja ma tridx lil Silvio Valletta jinvestiga

L-attivisti qalu hekk wara li f’Ottubru tal-2018 il-Qorti kkonfermat li kienu nkisru d-drittijiet fundamentali tal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia bl-involviment tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta fl-investigazzjoni tal-qtil tagħha. Dan minħabba kunflitt ta’ interess minħabba li miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana
L-investigazzjoni kienet ilha għaddejja sena.

Għalkemm f’Ġunju tal-2018 il-Qorti kienet qalet li Valletta m’għandux ikun involut fl-investigazzjoni, l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza. L-Avukat Ġenerali Peter Grech huwa wkoll iċ-Chairperson tal-FIAU.

Assassinju Daphne: Il-Qorti tgħid li Silvio Valletta mhux postu fl-investigazzjoni

Il-Qorti kienet qalet li skont kif xehed id-Deputat Kummissarju Valletta ħadd mhu eskluż mill-investigazzjoni dwar min ordna l-qtil ta’ Caruana Galizia. Żiedet tgħid li għalhekk lanqas ma hija eskluża martu li għandha kariga ministerjali u lanqas hu mhu eskluż.

Silvio Valletta ma jeskludix li jista’ jkun hemm PEP wara l-assassinju ta’ Daphne

F’Mejju tal-2016, il-gazzetta ‘Illum’ qalet li Silvio Valletta kien ġie avviċinat biex isir Kummissarju tal-Pulizija. Qalet li waħda mir-raġunijiet għalfejn Valletta rrifjuta din l-opportunità kienet minħabba l-kariga politika tal-mara tiegħu, Justyne Caruana.