Silvio Valletta qed jiġi investigat

FILE PHOTO: REUTERS/Darrin Zammit Lupi/File Photo

Read in English.

L-eks Assistant Kummissarju Silvio Valletta qed jiġi investigat mill-Pulizija.

Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija wieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti, inkluż ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk hux qed isiru investigazzjonijiet dwar Valletta wara l-aħħar allegazzjonijiet.

Il-Pulizija qalet li l-Ħadd li għadda skattat investigazzjoni u Valletta ġie mitkellem fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija dwar allegazjonijiet illi qed isiru. Dan wara rapporti li juru li Valletta siefer ma’ Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-investigazzjonijiet dwar Valletta, u kull allegazzjoni oħra li saret għadhom għaddejjin.

Ilbieraħ il-Prim Ministru aċċetta r-riżenja ta’ Caruana wara li l-Ħadd u lbieraħ stess ħarġu rapporti dwar ir-relazzjoni bejn Valletta u Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Artiklu maħruġ minn The Sunday Times qal li meta Valletta kien għadu Deputat Kummissarju tal-Pulizija, siefer ma’ Yorgen Fenech. Dak iż-żmien Fenech kien diġà identifikat bħala persuna ta’ interess fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista. Valletta kkonferma mal-istess ġurnal li hu siefer ma’ Fenech, iżda stqarr li ħallas hu u li kien ilu minn Ġunju tal-2018 ma jaħdem fuq il-każ.