Silvio Schembri b’rapport mal-pulizija dwar “fake news”

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri għamel rapport mal-Pulizija dwar artiklu li ġie deskritt mill-Gvern bħala “fake news”.

Fi stqarrija, Schembri qal li għamel rapport wara li “l-hekk imsejħa kumpanija Nexus ippostjat reklami mhux awtorizzati li ma kienux approvati jew mhux awtorizzati mis-Segretarjat.”

Skont is-Segretarjat Parlamentari r-reklam kien fuq sit jismu Major News. L-artiklu allega li Schembri kien qed jagħti l-appoġġ tiegħu lil Bitcoin Revolution. L-artiklu ġie sponsored fuq Facebook.

Schembri ċaħad li kellu x’jaqsam mal-artiklu. Qal li l-kwistjoni qed tiġi investigata. Il-kumpanija Facebook ġiet mgħarrfa b’dak li ġara.

Facebook- Silvio Schembri

F’Jannar, l-attur Malti-Taljan Davide Tucci ħareġ filmat qasir fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook fejn spjega li ġie mgħarraf li ritratti tiegħu u anke ismu kienu qed jintużaw f’kampanja ta’ reklamar qarrieqa magħrufa bħala The Bitcoin Revolution, permezz tal-midja soċjali. Hu qal li għamel rapport mas-Cyber Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Fl-istess xahar, Newsbook.com.mt irrapporta li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) bħalissa qed tinvestiga kampanja ta’ riklami li wieħed seta’ jaċċessa permezz ta’ Facebook u li tieħu lill-persuna f’websajt qarrieqa dwar il-muniti virtwali, cryptocurrencies. Intant fi stqarrija il-Gvern sostna li għamel rapport lill-Pulizija dwar dawn il-websites.