L-eks Segretarju Parlamentari Silvio Parnis ġie maħtur President tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Soċjali. Dan tħabbar illejla waqt mozzjoni mressqa mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fil-Parlament.
Parnis se jieħu post Etienne Grech li kien irriżenja mill-Parlament fl-14 t’Ottubru għal raġunijiet personali. Din ir-riżenja, flimkien ma’ dik tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, wittiet it-triq biex jidħlu fil-Parlament il-Ministri Miriam Dalli u Clyde Caruana.
Parnis kien l-uniku membru tal-Kabinett li kien tħalla barra mir-reshuffle li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fl-24 ta’ Novembru.
L-eks Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna rriżenja tmint ijiem qabel u ġie nominat Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Parnis kien qed jaffaċċja pressjoni kbira minħabba n-numru ta’ każijiet ta’ Covid-19 fid-djar tal-anzjani u anzjani jmuti bil-virus, billi hu kien Segretarju Parlamentari tal-Anzjanità Attiva.
Hu kien stqarr li l-Prim Ministru kien offrielu d-dekasteru tal-kunsilli lokali iżda qal li ma aċċettax, peress li ħass li ma kien għamel xejn ħazin waqt il-pandemija u dejjem mexa mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.