Sillabi ġodda għall-Kinder 1, Year 3 u Year 7

L-istudenti tal-Kinder 1, Year 3 u Year 7 se jibdew isegwu sillabi ġodda.
Għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kkonferma li l-istudenti se jibdew bis-sillabu l-ġdid mis-sena skolaistika li jmiss.
Spjega li l-bqija tal-klassijiet se jibqgħu jużaw is-sillabi li għandhom sal-lum iżda qal li l-pjan hu li sillabi ġodda jidħlu fil-bidu ta’ kull sena skolastika, gradwalment, sena b’sena.
L-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti għandhom l-għażla li jgħallmu bis-sillabi tal-iskejjel tal-Istat jew joħolqu s-sillabi tagħhom.
Mistoqsi minn Comodini Cachia dwar x’taħriġ ħadu l-għalliema, il-Ministru qal li matul Marzu li għadda sar taħriġ dwar il-qafas tal-kisbiet mit-tagħlim lil aktar minn 300 Kapijiet u l-assistenti Kapijiet tal-iskejjel kollha.
Matul ix-xhur ta’ April u Mejju qiegħed isir taħriġ ieħor lill-għalliema kemm tal-primarja kif ukoll tas-sekondarja fejn madwar 2,000 għalliem qegħdin jiġu mħarrġa.
Il-Ministru qal li t-taħriġ huwa mmexxi mill-Uffiċjali Edukattivi tas-suġġetti differenti.
Fl-in-service training ta’ Lulju li ġej, se jitkompla t-taħriġ għall-għalliema, fejn madwar 2,000 għalliem ieħor se jingħataw taħriġ. Dan filwaqt li fis-sena skolastika li ġejja, il-Ministru qal li se jerġa’ jsir aktar taħriġ għall-għalliema skont il-ħtieġa.