Sillabi ġodda fl-MCAST iżda mingħajr riżorsi meħtieġa – MUT

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) indirizzat konferenza tal-aħbarijiet li matulha elenkat lista ta’ diffikultajiet li ġabet magħha l-bidu ta’ sena skolastika.
Dwar l-iskejjel tal-istat, il-President tal-MUT Kevin Bonello sostna li hemm bżonn li jittieħdu azzjonijiet konkreti fuq binjiet differenti, u li fil-bidu tas-sena skolastika f’għadd ta’ skejjel kien hemm problemi kbar bil-heatwave. Semma wkoll kif fix-xitwa fi staff room tal-iskola ta’ Santa Luċija jiġu rreġistrati temperaturi aktar baxxi u li l-iskola tal-Mosta m’għandha l-ebda lqugħ għat-tfal fix-xita.  Dwar dan l-unjin mhix teskludi li tibda tagħti direttivi.
L-MUT irreferiet ukoll għall-għadd ta’ studenti li qed jattendu l-iskejjel u ma jafu la Ingliż u lanqas Malti. Saħqet li l-programmi intiżi għal dawn it-tfal huma mimlija u ħafna tfal mhumiex jattendu l-iskola sakemm jibagħtu għalihom. Sostniet li l-awtoritajiet mhux qed jivverifkaw jekk it-tfal għandhomx dan l-għarfien, u t-tfal qed jintbagħtu l-iskola u ma jifhmu xejn.
Dwar is-sistema tal-ko-edukazzjoni, l-MUT qalet li jidher li s-sistema tidher li qed titħaddem mingħajr ħafna skossi. Madanakollu tinsab diżappuntata li diversi sillabi ġodda u metodoloġiji ta’ tagħlim li ġew implimentati fl-MCAST ma ġewx akkumpanjati mir-riżorsi meħtieġa. Iżda, l-MUT tinsab sodisfatta li l-MCAST qed tieħu l-proposti tal-kumitat fuq l-apprentistat b’serjetà.
L-MUT qalet li tinsab għaddejja b’taħdidiet mal-Gvern dwar l-aspetti legali tal-abbuż kif ukoll dwar l-introduzzjoni ta’ first-aiders fl-iskejjel.
Semmiet ukoll il-wegħdi pendenti għall-għalliema dwar is-sabbatical leave u l-leave tal-maternità għall-edukaturi nisa li jaħdmu maċ-ċivil u li qed ibatu minn diskriminazzjoni doppja.