Sikur li tiftaħ ittra jew pakkett miċ-Ċina?

Pexels

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) taċċerta li huwa sikur li tirċievi ittra jew pakkett miċ-Ċina. Tispjega li m’hemm l-ebda riskju li wieħed ilaqqat il-coronavirus b’ittra jew b’pakkett.

Il-WHO fissret li minn analiżi li kienet saret, kien sar magħruf li l-coronavirus ma jgħix fit-tul fuq l-oġġetti.

L-awtoritajiet Maltin ippreparati sew għal kull eventwalità”

Intant il-Gvern Malti ħareġ stqarrija biex iserraħ moħħ il-poplu Malti u Għawdxi li “l-awtoritajiet jinsabu preparati sew għal kull eventwalità b’rabta mal-coronavirus.

Fi stqarrija, il-Gvern tenna li f’Malta ma kien hawnx u m’hawnx każi ta’ coronavirus, u li fl-aħħar ġimgħat il-Gvern ħejja ruħu “b’mod strutturat biex ikun preparat għal kull sitwazzjoni li tista’ tinqala”.

X’għamel il-Gvern Malti?

  • Ħatar kumitat strateġiku tal-kabinett immexxi mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Hawn se jkunu diskussi deċiżjonijiet li jridu jittieħdu minn żmien għall-ieħor fuq pariri mediċi mill-esperti tas-saħħa.
  • Ħatar kumitat ieħor operazzjonali mmexxi mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar biex flimkien ma’ diversi ministeri u entitajiet jitħejja pjan bil-fażijiet differenti ta’ kull ċirkostanza.

“Is-saħħa tal-impjegati prijorità; bżonn li tittaffa l-ħsara fuq in-negozji”

Intant, il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li filwaqt li taqbel li s-saħħa tal-impjegati tkun prijorità, għandu jkun hemm miżuri li bihom jittaffew l-effetti negattivi fuq in-negozji u l-impjiegi.

Appellat lill-awtoritajiet biex jiftħu konsultazzjoni urġenti fuq il-kwistjonijiet kollha relatati mal-Covid-19. Insistiet li s-sitwazzjoni preżenti titlob għaċ-ċarezza, kalmezza, sens komun u konsistenza.