Sigurtà kbira fil-Kajr sal-Epifanija

Aktar minn 250,000 bejn suldati u pulizija rrinunzjaw għall-vaganzi tagħhom u minflok daħlu jaħdmu biex jassiguraw l-akbar sigurtà għall-knejjes, l-Insara u t-turisti li jżuru l-Kajr bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Dan il-perjodu li jiġbor fih iċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena, is-Sena l-Ġdida, il-Milied tal-Kopti u l-Epifanija, qatt ma kienu ċċelebrati b’daqstant sigurtà.
Minkejja din il-preżenza qawwija ta’ suldati u pulizija, il-knisja ta’ Amir Tadros li tinsab fil-villaġġ żgħir ta’ Kafr fin-nofsinhar tal-Kajr, fit-22 ta’ dan ix-xahar sfat attakkata, profanata u meqruda meta wara t-talb tal-Ġimgħa, madwar 5,000 persuna daħlu fil-villaġġ, iċċirkondaw il-knisja mibnija fuq tliet sulari, u kissru kulma sabu quddiemhom: bankijiet, siġġijiet, fans, mikrofoni, ħwejjeġ liturġiċi, slaleb, ikoni u missalli.
Il-post kien  jintuża bħala post ta’ talb mill-Kopti tal-villaġġ għal dawn l-aħħar 15-il sena għax l-Insara f’dan ir-reġjun m'għandhomx knisja billi l-awtoritajiet ma ħarġux permess biex tinbena waħda.
Xi fundamentalisti bdew ixerrdu x-xniegħa li kien hemm pjan biex jinbena kampnar.  Dan ġieb qilla kbira fost il-Musulmani li marru quddiem il-binja biex jopponu bil-qawwa  din id-deċiżjoni. Fuq Facebook tpoġġa appell biex il-Musulmani jmorru għal dan l-attakk u l-forzi tas-sigurtà kienu infurmati bil-pjan.
Minkejja dan, fil-ġurnata u l-ħin miftiehem il-fundamentalisti Musulmani nġabru biex iwettqu l-pjan tagħhom iżda ma dehru ebda forzi tas-sigurtà u l-fundamentalisti wettqu l-pjan kriminali tagħhom bla ebda tfixkil.  Huma attakkaw ukoll id-dar tal-benefattur li kien offra l-post lill-Kopti u tliet membri tal-familja tiegħu sfaw feruti u kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura.
Il-forzi tas-sigurtà issa waqqfu l-attivitjiet reliġjużi kollha għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Il-Kopti, kif inhuma magħrufa l-Insara fl-Eġittu, jammontaw għal bejn 10% u 12% tal-popolazzjoni Eġizzjana, u jiffurmaw l-akbar komunità Nisranija fil-pajjiż.
Dawn jiċċelebraw il-Milied f’żewġ dati: il-Kattoliċi fil-25 ta’ Diċembru u l-Ortodossi fis-7 ta’ Jannar.